Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Il-Laburisti ta’ Corbyn se jappoġġjaw referendum dwar il-Brexit

Il-Kap Laburista fl-Oppożizzjoni, Jeremy Corbyn, qal li l-partit tiegħu għandu jappoġġja ‘referendum ieħor dwar l-Unjoni Ewropea’. Dan wara li l-pjan alternattiv tal-Laburisti għall-Brexit mill-ġdid ma għaddiex mill-Parlament ta’ Londra.

Intant, Corbyn qal li se jkompli jipprova anki għal ‘għażliet oħrajn miftuħa quddiemu’ u li jinkludu elezzjoni ġenerali. Ingħad li l-Partit Laburista għandu jressaq emenda għal referendum dwar l-UE ladarba l-Parlament iħejji għall-‘vot effettiv’ dwar il-ftehim dwar il-Brexit li l-Prim Ministru Konservattiv, Theresa May, kienet laħqet mal-Unjoni Ewropea.

Id-deputati fil-House of Commons, fil-lejl tal-Erbgħa, ivvutaw biex jappoġġjaw l-istrateġija ta’ May għall-Brexit iżda dan sar biss wara li hi ċediet għal xi konċessjonijiet. Theresa May kienet qed tiffaċċja rewwixta mid-deputati ‘Brexiteers’ wara li 20 deputati Konservattivi vvutaw kontra l-proposti (appoġġjati mill-Gvern) għall-posponiment tal-Brexit, iffissat għad-29 ta’ Marzu, f’każ li r-Renju Unit ma jasalx fi ftehim ma’ Brussell.

Sadanittant, il-House of Commons, f’nofs il-ġimgħa, ma laqax il-proposti tal-Laburisti dwar il-Brexit u li fost oħrajn kienu jesiġu għal sħubija doganali ( tar-Renju Unit) mal-UE. Intant, Jeremy Corbyn qal, wara l-vot, li ‘il-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni se jappoġġja vot mill-pubbliku bil-għan li jevitaw impatt ħażin mill-proċess tal-Brexit inkella sitwazzjoni diżastruża ta’ no-deal ( mal-Unjoni)’.

Madankollu, l-eks Ministru Laburista Caroline Flint qalet li – minkejja l-aħħar disfatta għal Corbyn fil-Parlament —  il-partit fl-Oppożizzjoni mgħandux jappoġġja referendum ieħor dwar il-Brexit. Hi sostniet li ‘il-poplu Britanniku jrid li l-proċess tal-Brexit ikompli u li t-Tmexxija f’Londra twassal lejn ftehim effettiv li jissodisfa lil kulħadd’.

Riżenja oħra mill-Gvern: George Eustice, il-Ministru Britanniku responsabbli mill-Ikel, irriżenja mill-Gvern b’sorpriża waqt li wissa li r-Renju Unit qed jissogra li jispiċċa ‘umiljat’ mill-Unjoni Ewropea.

Eustice, li jemmen bis-sħiħ fil-Brexit u li hu determinat biex jivvota għal no-deal, ħa d-deċiżjoni wara li May qalet li d-deputati f’Londra jistgħu jitfgħu lura l-proċess għat-tluq mill-UE, waqt li permettiet għal kontroll akbar ( tal-Brexit) min-naħa tal-House of Commons.

Wara dawn il-konċessjonijiet, Eustice qal li issa jrid rwol sħiħ ‘fil-mod kif ir-Renju Unit iħalli l-Unjoni’. Hu spjega li ma setax jagħmel dan bħala Ministru’ wara li kellu jissapporti sensiela ta’ U-turns u deċiżjonijiet (min-naħa tal-Gvern) li ma niżlux tajjeb. Fl-ittra tar-riżenja, Eustice ikkritika lid-deputati fil-Parlament li ma jridux jirrispettaw ir-riżultat tar-referendum dwar l-UE waqt li tenna li Theresa May spiċċat tiffaċċja ‘l-ostakoli terribbli’.