Internazzjonali

Is-Sirja: Qabar tal-massa fl-aħħar fortizza tal-ISIS

Uffiċjali tal-Qawwiet Demokratiċi Sirjani ikkonfermaw is-sejba ta’ qabar tal-massa li kien fiha l-katavri ta’ għexieren ta’ vittmi tal-ISIS. Ħafna mill-katavri fiz-zona ta’ Baghouz huma tan-nisa u l-awtoritajiet jaħsbu li dawn ġejjin mill-komunità ta’ Yazidi li l-membri tagħha kienu sfurzati f’ħajja ta’ skjavtu fost abbuż, taħt idejn it-terroristi.

Il-kelliema tal-SDF sostnew li ħafna mill-katavri nstabu mbiċċra u li huma kienu qed jippruvaw jikkonfermaw jekk dawn il-vittmi humiex, fil-fatt, Yazidi.

Eluf ta’ membri mill-minoranza tal-Yazidi, li ġejjin mill-Iraq, batew l-atroċitajiet taħt idejn l-ISIS meta t-terroristi, fl-2014, kienu ħatfu medda kbira ta’ territorju Iraqi.

Intant, l-SDF – is-sieħeb ewlieni fil-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti kontra l-ISIS fis-Sirja – qed jipprova jevakwa eluf ta’ ċivili minn Baghouz qabel il-qawwiet tiegħu jistgħu jassedjaw l-inħawi u jeliminaw it-theddida tal-ġellieda ISIS li għad fadal u li, fil-parti kbira, jidhru huma ġiħadisti ‘barranin’.