Ambjent Lokali

It-Tribunal tal-Ippjanar jikkonferma l-proġett fuq l-art tal-ITS, iżda b’xi tibdil

Dan il-proġett qanqal xejn inqas minn 4,500 oġġezzjoni mill-pubbliku

It-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar ikkonferma l-permess għall-iżvilupp tal-proġett massiċċ fuq l-art tal-ITS iżda impona xi tibdil fuq id-disinn tal-istess proġett.

It-Tribunal ordna lill-iżviluppatur iżid 270 metru kwadru ta’ spazji miftuħa, li jbaxxi l-għoli tat-torri b’għaxar metri u l-għoli tal-lukanda bi tmien metri. Barraminhekk, it-Tribunal ordna lill-iżviluppatur biex jikseb ċertifikat li l-qafas tat-toroq jista’ jakkomoda iż-żieda fit-traffiku li l-proġett mistenni li jikkawża.

Il-Proġett li jġib l-isem City Centre jinkludi l-bini ta’ torri ta’ 37 sular u lukanda ta’ 17-il sular. L-Appell tressaq minn 17-il entita’ li oġġezzjonaw għall-proġett fosthom residenti tal-madwar, għaqdiet mhux governattivi u l-Kunsilli Lokali ta’ Pembroke, Swieqi u San Ġiljan.

Dan il-proġett hu kontroversjali għall-aħħar u qanqal xejn inqas minn 4,500 oġġezzjoni mill-pubbliku. Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga l-mod kif sar it-trasferiment tal-art pubblika lill-Grupp Db. Din id-deċiżjoni eventwali taf ukoll tinfluwenza deals futuri fl-inħawi, b’mod partikolari dak tal-Grupp Corinthia. Anki l-mod kif inħareġ il-permess f’Settembru li għadda kien wieħed kontroversjali hekk kif iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorita’ tal-Ippjanar Johann Buttigieg, kien awtorizza li jintbagħat jet privat sabiex iġib il-membru tal-Bord Jacqueline Gili minn btala barra mill-pajjiż sabiex tivvota. Dan il-vjaġġ kien jiswa’ €8,750 li tħallsu mill-Awtorita’ tal-Ippjanar. Il-permess kien approvat b’10 voti favur u 4 voti kontra.

L-Appellanti oġġezzjonaw ukoll għall-fatt li żewġ membri fil-Bord tal-Ippjanar għandhom kunflitt ta’ interess, Matthew Pace li hu s-sid bi sħab ta’ aġenzija tal-propjeta’ fis-Swieqi u d-Deputat Laburista Clayton Bartolo li missieru hu s-sid ta’ kumpanija tal-watersports fil-Mellieħa li taħdem mill-qrib mal-iżviluppatur.