Internazzjonali

Iżrael: Il-Prim Ministru Netanyahu qed jiffaċċja akkużi dwar korruzzjoni

L-Avukat Ġenerali ta’ Iżrael qed jaħseb biex iressaq akkużi formali dwar il-korruzzjoni fil-konfront tal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu. Ir-rapporti qalu li Avichai Mandelblit informa lill-avukati ta’ Netanyahu li l-Prim Ministru se jiffaċċja akkużi ta’ tixħim, frodi u ‘ksur ta’ fiduċja’ b’konnessjoni ma’ tliet każi – u dan meta hemm pendenti smigħ finali.

Qed ikun allegat li Netanyahu aċċetta r-rigali mingħand negozjanti sinjuri minbarra li ‘qassam il-favuri’ biex jingħata trattament ippreferut mill-membri tal-istampa.

Intant, il-Prim Ministru Iżraeljan qed jirrifjuta kategorikament għall-allegazzjonijiet u qal li spiċċa vittimizzat mill-politiċi tax-xellug li jridu jqaċċtuh mill-poter qabel l-elezzjoni tad-9 ta’ April f’Iżrael.

F’każ li l-allegazzjonijiet ikunu dikjarati validi, din tkun l-ewwel darba fl-istorja ta’ Iżrael li Prim Ministru fil-kariga jkun iffaċċja l-akkużi kriminali.