“Is-sistema bankarja f’Malta qed tiffaċja sfidi. Hemm nuqqasijiet fil-mod kif qed issir is-superviżjoni, u jaħtieġ azzjoni urġenti.” Dawn huma biss ftit mill-konklużjonijiet li joħorġu minn Rapport li tfassal mill-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) wara żjara li kienu għamlu f’Malta f’Settembru li għadda.
Ir-Rapport huwa daqqa oħra għall-Gvern ta’ Muscat wara li lbieraħ ħareġ il-Country Report 2019, li wera biċ-ċar kif fit-12-il xahar li ġejjin se tkompli tiżdied l-għoli tal-ħajja, il-pressjoni fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna qed tikber, jeħtieġ pjan biex jiġu garantiti l-pensjonijiet, filwaqt li mil-lat ekonomiku tinxtgħel bozza ħamra dwar l-istrateġija tal-Gvern li jimporta ħaddiema barranin.
Jum wara li ħareġ dan il-Country Report, issa anke l-IMF waslet għal konklużjonijiet li xejn mhuma sbieħ għall-Gvern.
L-IMF jitfa’ dawl fuq il-problema gravi tal-ħasil tal-flus, u n-nuqqas serju minn naħa tal-Gvern ta’ Muscat illi fl-aħħar snin spiċċa ffaċjat b’diversi skandli. Fir-Rapport tal-IMF jingħad li hemm bżonn pjan ħolistiku biex l-istituzzjonijiet jiġġieldu l-pjaga tal-ħasil tal-flus. “Dawn ir-riskji jeħtieġ li jiġu indirizzati”, sostna l-Fond Monetarju Internazzjonali.
L-istess organizzazjoni titfa’ dubji kbar fuq kemm l-MFSA hi indipendenti fl-operat tagħha.
Apparti minn hekk, jintefa’ dawl ukoll fuq ir-riskji li qed iġġib l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti (IIP) u d-domanda enormi għall-proprjeta’. “Hemm bżonn li jsir xi ħaġa biex Malta tilqa’ għal dawn ir-riskji”, jgħid ir-Rapport tal-IMF.
Stqarrija b’reazzjoni mill-Partit Nazzjonalista
Il-Gvern Laburista Malti kellu t-tieni ċanfira f’jumejn konsekuttivi, bil-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) jingħaqad mal-Kummissjoni Ewropea fi kritika dwar kif il-Gvern Malti qed jitratta s-settur finanzjarju.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco u mill-Kelliem għall-Ekonomija Kristy Debono, li nnutaw kif dawn ir-rapporti qed juru li s-sistema bankarja f’pajjiżna qed tiffaċċja sfidi kbar.
Il-Partit Nazzjonalista qal li r-rapporti juru li l-Gvern falla milli jara li s-settur finanzjarju jkun regolat kif suppost. In-nuqqas ta’ regolamentazzjoni xierqa u effiċjenti jwasslu għal każijiet li għamlu ħsara kbira lil pajjiżna milli jibqa’ ċentru ta’ eċċellenza fis-settur.
Għalkemm il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien ta x’jifhem li għalih id-diskussjoni tal-Panama kienet magħluqa, hu ċar li dan mhux il-każ. Għax Malta għadha u se tkompli tbati, bil-ħtija tibqa’ fuq il-Prim Ministru Muscat u l-Ministru Edward Scicluna, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>