L-investigaturi tan-Nazzjonijiet Uniti qalu li l-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani setgħu wettqu reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità meta huma, is-sena l-oħra, qatlu mal-190 Palestinjan — minbarra li ferew ’il fuq minn 6,000 oħra — waqt il-protesti regolari li kienu qed isiru f’Gaza.
Il-membri ta’ panel indipendenti sostnew li għandhom informazzjoni kunfidenzjali dwar ‘min jaħsbu li kien responsabbli għall-qtil tal-Palestinjani’ u li s-suspettati jinkludu kmandanti militari flimkien ma’ numru ta’ snipers.
Ir-rapport jaqra li ‘il-qawwiet tas-sigurtà Iżraeljani qatlu u ferew dimostranti Palestinjani meta dawn ma kenux ta’ theddida imminenti għall-ħajja ta’ ħaddieħor’. Ingħad ukoll li ‘id-dimostranti lanqas ma kienu qed jieħdu sehem f’atti ostili meta (il-qawwiet Iżraeljani) kienu fetħu n-nar għal fuqhom’.
Sadattant, Iżrael ċaħad dan ir-rapport bħala ‘pantomima’ u ‘ħrafa bażata fuq l-istejjer assurdi’.
L-Aġent Ministru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin, Israel Katz, qal li r-rapport inkwistjoni ‘hu ieħor qarrieqi u ostili biex ipitter lil Iżrael f’dawl ħażin’. Hu kompla li ħadd ma jista’ jiċħad lill-Iżraeljani mid-dritt li jiddefendu liċ-ċittadini u l-interessi tagħhom, meta hu wkoll id-dmir ta’ Iżrael li jħares il-fruntieri tiegħu mill-attakki vjolenti.
Iżrael qed jinsisti li l-qawwiet tiegħu kienu fetħu n-nar waqt l-inċidenti ‘biex jipproteġu kontra l-inkursjonijiet u l-attakki mill-fruntiera minn militanti armati.’
Mis-sena l-oħra ’il hawn saru numru sostanzjali ta’ protesti mill-Palestinjani mal-fruntiera bejn Iżrael u l-Medda ta’ Gaza. Id-dimostranti qegħdin isejħu biex l-Iżraeljani jnaqqsu l-istat tal-assedju fuq it-territorju ta’ Gaza kif ukoll għar-rikonoxximent tad-dritt tar-refuġjati Palestinjani biex jirritornaw lejn djarhom f’Iżrael.
//= $special ?>


