Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Silvio Schembri jaħrab id-domandi dwar iż-żieda fil-popolazzjoni u l-ħasil tal-flus

Minkejja li issa għaddew sitt snin minn meta l-Partit Laburista ġie elett fil-Gvern, dan għadu sal-lum jippova jwaħħal fil-Partit Nazzjonalista għal affarijiet li suppost ilu li beda jieħu ħsieb.

Hekk ħass li kellu jwieġeb is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri meta mistoqsi dwar jekk jinkwetax li l-Kummissjoni Ewropea xegħlet diversi bozoz ħomor fil-konfront tal-Gvern Malti, partikolarment dwar il-ħasil tal-flus.

Viżibbilment skomdu biex jipprova jaħbi l-wirt negattiv li qed iħallu Muscat u sħabu, is-Segretarju Parlamentari pprova jiftaħar bix-xogħol li sar.

Hu kien qed jikkummenta ftit sigħat biss wara li l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rapport ieħor bi kritika u daqqa ta’ ħarta lill-Gvern ta’ Muscat – din id-darba dwar l-għoli tal-ħajja li mistennija tkompli tiżdied, in-nefqa tal-Gvern li splodiet u fuq kollox kif il-poplu Malti qed iħossu dejjem aktar jibża’ b’nuqqas ta’ sigurtà.

Madankollu, Silvio Schembri baqa’ ma weġibx, tant li anke telaq mill-post, jekk jaħsibx li l-ħasil tal-flus hu ta’ tħassib għall-pajjiż.

Ir-Rapport Ekonomiku Ewopew jgħid li fit-12-il xahar li ġejjin mistennija tkompli togħla l-ħajja u tikber il-pressjoni fuq l-infrastruttura ta’ pajjiżna, fost l-oħrajn.