Lokali

10% tal-barranin li jgħixu Malta joqogħdu fi djar iffullati

Il-barranin li jgħixu f’pajjiżna huma l-aktar probabbli li jispiċċaw jgħixu fi djar iffullati. Dan ħareġ minn cifri ppubblikati mill-Uffiċċju tal-Istatiktika tal-UE, il-Eurostat…fejn jirriżulta li aktar minn 10% tal-barranin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea u lil hinn….li jgħixu f’Malta…. kienu joqogħdu fi djar li huma iffullati.

Skont l-aħħar data tal-2017, 2.4 fil-mija tar-residenti Maltin għexu fid-djar iffullati.

Għall-Eurostat, persuna hija meqjusa li tgħix f’dar iffullata wisq jekk din ma jkollhiex għad-dispożizzjoni taghhom imqar kamra wahda ghal kull persuna.

Il-minimu hu ta’ kamra għal kull koppja jew kamra waħda għal kull persuna minn 18-il sena ‘il fuq, kamra waħda għal żewġ persuni tal-istess sess bejn 12 u 17-il sena u kamra waħda għal żewġt itfal taħt it-12-il sena.

Fi kliem semplici, il-barranin li qed joqghodu f’appartamenti jew djar iffullati…qed jispiccaw jorqdu f’kamra maqsuma bejn 3 persuni jew aktar.

Dan l-aħħar kien hemm diversi rapport fil-media ta’ kif aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jiżdiedu n-nies li qed jitħabtu biex iħallsu l-kirjiet tagħhom. Dan minħabba l-prezzijiet dejjem jogħolew f’pajjiżna.

Stħarriġ reċenti tal-Ewrobarometru wera li l-Maltin qed ikunu iktar imħassba fuq il-kwistjoni tal-akkomodazzjoni. Aktar minn kwart ta’ dawk li wieġbu esprimew tħassib, bl-inkwiet jiżdied b’mod sinifikanti fi kwistjoni ta’ xhur.

Skont l-istħarriġ, il-prezzijiet tad-djar Maltin żdied b’rata li kienet aktar mgħaġġla mis-suq tad-djar saħansitra f’Hong Kong.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia ilu xhur jitkellem fuq din il-problema tal-kirjiet…u anke fuq l-istrateġija falza tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni, u l-importazzjoni ta’ ħaddiema barranin.

Il-problema tal-akkomodazzjoni ġiet ukoll enfasizzata minn persuni prominenti, inkluż l-Arċisqof Charles Scicluna, li sejjaħ il-kwistjoni bħala waħda ta’ emerġenza soċjali. L-NGOs ukoll wissew li l-prezzijiet dejjem jogħlew tal-kera kienu qed jirriżultaw f’aktar nies li qed jispiċċaw jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna jew, agħar minn hekk, jispiċċaw bla saqaf fuq raqshom, bil-konsegwenza li jgħixu fit-triq.