Sport Sport Ieħor

Ħames atleti tas-skiing fost dawk arrestati minħabba doping

L-iskier Awstrijak tal-cross country Max Hauke jinsab qed jissielet kontra allegazzjoni ta’ doping wara li nqabad waqt trasfużjoni tad-demm fil-Kampjonati tad-Dinja Nordiċi tas-Skiing. Ħames atleti li ġejjin mill-Awstrija, il-Każakistan u l-Estonja kienu arrestati l-Erbgħa f’rejds kontra d-doping li saru fiċ-ċentru turistiku Seefeld.

Il-pulizija tal-Awstrija qalet li r-rejds kienu parti minn operazzjoni mmirata lejn organizzazzjoni kriminali bbażata fil-Ġermanja, fejn kien hemm suspett li ilha torganizza d-doping tad-demm għal snin.

Jidher li tabib tal-isport li għandu 40 sena, hu fiċ-ċentru ta’ din l-organizzazzjoni, bil-pulizija żżid fi stqarrija li hu wkoll kien arrestat fil-Ġermanja. Il-media Awstrijaka kkwotat uffiċjali mill-federazzjoni tas-skiing tal-pajjiż, fejn intqal li Max Hauke kif ukoll Dominik Baldauf kienu arrestati.

Filmat li kien żvelat minn pulizija u maħruġ mill-media Norveġiża, juri lil Hauke f’nofs it-trasfużjoni hekk kif il-pulizija daħlet fil-kamra. Der Standard irrapportaw li l-uffiċjal li rrekordja u xandar il-filmat, tkeċċa minn xogħlu u qed jiffaċċja proċeduri dixxiplinarji.

Tags