“Is-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura Clint Camilleri għandu jispjega għaliex l-MEP Alfred Sant ingħata aċċess biex iżur is-Suq tal-Pitkali f’Ta’ Qali, filwaqt li jien ġejt miċħud il-permess, u dan minkejja diversi talbiet li għamilt permezz ta’ emails. Inspjegabbli kif il-Gvern qed juża l-favoritiżmu f’dan il-livell.” Dan qalu l-MEP Francis Zammit Dimech li għamel talba biex iżur is-Suq tal-Pitkali f’Ta’ Qali bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni li beda f’Marzu 2018.
F’Lulju 2018, Zammit Dimech talab lis-Suq tal-Pitkali biex jagħmel żjara biex jitlaqa’ mal-bdiewa, iżda qatt ma ngħata permess. Bħalissa, ma hemm ebda MEP Malti fil-Kumitat tal-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (AGRI), u Zammit Dimech kien ingħaqad ma’ MEPs oħra u r-Rapporter fil-Kumitat AGRI u ppreżenta proposti ta’ bdiewa Maltin f’rapport dwar il-futur tal-ikel u l-biedja.
Fil-proposti tiegħu, Zammit Dimech qal li għandha tingħata konsiderazzjoni speċjali għall-bdiewa li jiffaċċjaw aktar sfidi biex ikomplu bl-attività minħabba restrizzjonijiet speċifiċi marbuta ma’ żoni partikolari, bħal gżejjer u reġjuni imbegħda. Il-bdiewa kienu esprimew ukoll diżappunt b’rabta mad-dewmien fil-pagamenti. Dwar dan, Zammit Dimech propona li l-politika agrikola komuni l-ġdida tinsisti li l-pagamenti jkunu jsiru aktar malajr, b’mod ġust u effiċjenti. Minħabba l-fatt li bdiewa żgħażagħ u tal-ewwel ġenerazzjoni kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex ikollhom aċċess għat-terren, Zammit Dimech ippropona inizjattivi biex jgħin lill-bdiewa żgħażagħ ikollhom aċċess għat-terren, inkluż ippjanar tas-suċċessjoni.
Zammit Dimech, eks Ministru tal-Ambjent, ukoll kien tkellem dwar il-bżonn li nipproteġu art li tinħarat minn kontra l-iżvilupp. Fil-proposti tiegħu, hu għamel uko ll it-talba biex bdiewa jingħataw kumpens ġust għal dak li jipproduċu, u level-playing-field għall-bdiewa kollha nkluż dawk minn familji żgħar. Zammit Dimech kien enfażizza li hu kruċjali li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-food chain biex il-prezzijiet ikunu affordabbli għan-nies u l-konsumaturi, u biex tkun promossa dieta b’saħħitha.
Zammit Dimech qal li l-preġudizzju tal-Gvern kien ta’ detriment għall-bdiewa, u dan peress li dan ir-rapport ġie f’perjodu importanti qabel il-Politika Agrikola tal-UE li se tiddetermina l-fondi tal-UE għall-agrikoltura wara s-sena 2020. Filfatt, bħalissa għaddejjin negozjati mal-Kumitat AGRI li jinvolvu dawn l-aspetti.
Zammit Dimech qal li se jkompli jkun il-vuċi tal-bdiewa, irrispettivament mill-politika ta’ partiġġjaniżmu tal-Gvern. Hu qal li se jibqa’ kommess li l-baġit tal-agrikoltura jiżdied jew għallinqas jibqa’ l-istess, biex ikun assigurat li l-għanijiet jinħalqu. Il-proposta li tressqet mill-Kummissjoni hi li l-fondi jitnaqqsu b’5%.
Id-diskussjonijiet attwali fuq il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea huma ffukati fuq it-tiġdid fil-popolazzjoni tal-bdiewa, u ssejjaħ għal aktar appoġġ għal bdiewa ġodda, irrispettivament mill-età, kif ukoll li tippromwovi l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-ekonomija taż-żoni rurali. Tinsisti wkoll għal aktar għaqdiet tal-bdiewa b’saħħithom u aktar bdiewa li jibbenefikaw minn fondi tal-UE. Ir-riformi jitkellmu wkoll dwar prekawzjonijiet finanzjarji bħall-assiguranza għall-bdiewa. Fid-dawl tat-theddid ta’ tnaqqis fil-baġit minħabba Brexit, qed isiru sejħiet biex l-allokazzjoni finanzjarja tal-CAP tibqa’ mill-inqas l-istess. Għaddejjin ukoll diskussjonijiet dwar id-distribuzzjoni tas-sussidju, biex negozji żgħar u medji jingħataw aktar appoġġ.
//= $special ?>