Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq mhix ottmista dwar laqgħa oħra mal-Istati Uniti

Il-Korea ta’ Fuq hi determinata li żżomm l-istess proposti li għamlet waqt is-summit ta’ din il-ġimgħa mal-Istati Uniti f’każ li l-Amerikani, fil-futur, javviċinawha għal negozjati ġodda. Is-summit f’Hanoi bejn il-President Amerikan u l-Mexxej Korean komunista, Kim Jong-un, intemm ħesrem u mingħajr ftehim konkret dwar id-denuklearizzazzjoni tal-Korea ta’ Fuq — bl-Istat komunista ‘ma jemminx’, fil-fatt, li jista’ isir summit ieħor fuq dan il-livell.

Il-Korea komunista, wara s-summit, insistiet li kienet offriet biex twaqqaf għal kollox il-provi nukleari u għall-missili u meta hi ‘talbet biss għat-tneħħija ta’ parti mis-sanzjonijiet li huma imposti fuqha’ bħala skambju.

Sadanittant, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Korea ta’ Fuq, Ri Yong-ho, qal li diffiċli li wieħed, ‘il quddiem, jara opportunità oħra (għal żblokk) fuq l-istess livell tas-summit f’Hanoi – bl-Istati Uniti qed tiċħad il-versjoni ta’ Pyongyang dwar kif żvolġew in-negojati fil-kapitali Vjetnamita.

Wara l-kroll fit-taħditiet, Trump qal li Kim Jong-un kien offra biex iżarma l-kumpless nukleari sħiħ ta’ Yongbyon (ibbażat fil-Korea ta’ Fuq), iżda l-President Amerikan ma kienx lest jaċċetta t-talba ‘biex jitneħħew is-sanzjonijiet kollha għal Pyongyang’.

Min-naħa tiegħu, Ri Yong-ho, waqt konferenza, tenna li l-Korea ta’ Fuq għamlet ‘proposti realistiċi’ u li l-proposta għad-diżarm ta’ Yongbyon kienet ‘l-akbar miżura għal denuklearizzazzjoni li pajjiżu seta’ jieħu fiċ-ċirkustanzi’. Hu kompla li l-Korea ta’ Fuq ‘talbet biss it-tneħħija parzjali tas-sanzjonijiet li qed itellfu lill-ekonomija ċivili filwaqt li joħolqu l-problemi għall-għajxien tal-poplu tagħha’.

Intant, Kim Jong-un qed jestendi ż-żjara tiegħu fil-Vjetnam sa tmiem il-ġimgħa meta fost oħrajn, qed ikollu laqgħat  mal-Mexxejja tal-Gvern, f’Hanoi.