Internazzjonali

Il-kriżi tal-Indja mal-Pakistan: Jinħeles il-pilota li kien twaqqa’ bl-ajruplan f’Kashmir

Il-Pakistan  ħeles il-bdot tal-Indja li, jiem ilu, kien twaqqa’ bl-ajruplan fl-art ta’ Kashmir, waqt konfront ma’ ajruplan tal-gwerra Pakistani.  Il-pilota ngħata lill-uffiċjali Indjani man-naħa l-oħra tal-fruntiera fost sinjali li l-aħħar konfront militari bejn l-Indja u l-Pakistan qed jitlef mill-intensità.

Dan wara li hu kien spiċċa f’idejn is-suldati Pakistani f’Kashmir fejn, qabel, ġie aggredit mir-residenti Pakistani fl-istess zona fejn tniżżel l-ajruplan.

L-awtoritajiet fil-Pakistan qalu li l-ħelsien tal-pilota sar bħala ġest ta’ paċi lill-Indja. L-aħħar żvilupp sar ukoll wara li l-potenzi tad-dinja ħeġġew biex il-ġirien rivali —  it-tnejn bil-kapaċità nukleari – jeżerċitaw il-kontroll bil-għan li jevitaw gwerra oħra potenzjali.

Fl-aħħar sigħat inġabru folol ta’ Indjani mal-fruntiera biex jilqgħu lura lill-pilota li kien sar il-wiċċ uman tal-aħħar konfronti bejn l-Indja u l-Pakistan.

Il-Gvernijiet tal-Pakistan u l-Indja t-tnejn qed jgħidu li waqqgħu ajruplani tal-gwerra ta’ xulxin f’numru ta’ azzjonijiet militari li seħħew din il-ġimgħa. Intant, l-Istati Uniti, f’dawn il-jiem, kellha rwol attiv bħala medjatur biex tevita raba’ gwerra bejn l-Indja u l-Pakistan, mill-1947 ‘il hawn.

Il-pilota, Abhinandan Varthaman, qasam lura lejn l-Indja mill-fruntiera komuni ta’ Wagah, bil-Gvern Pakistani jgħid li dan sar ‘bil-ħsieb li jnaqqas mis-sitwazzjoni taħraq preżenti mal-Indja’.

Dan meta  naqsu wkoll l-isparaturi mal-fruntiera polemikuża li tissepara r-reġjun ta’ Kashmir fiz-zona kontrollata mill-Indja u l-oħra amministrata mill-Pakistani.