B’Malta li qed taqla’ daqqa wara l-oħra fir-reputazzjoni tagħna, kawża ta’ skandli fl-ogħla livell ta’ pajjiżna, inkluż dak politiku u s-settur finanzjarju, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici jibqa’ jaħrab mir-realtà.
Ix-xahar li għadda, kien il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC li wissa’ dwar id-daqqa ta’ ħarta li ħadet ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u l-impatt li din kellha fuq is-settur bankarju, iżda l-Ministru Bonnici evita li jindirizza din it-twissija.
Iżda issa l-Ministru Owen Bonnici ma jistax jibqa’ jistaħba wara r-rapporti tal-aġenziji barranin, hekk kif il-Fond Monetarju Internazzjonali ngħaqad mal-Kummissjoni Ewropea fi kritika dwar kif il-Gvern Malti qed jitratta s-settur finanzjarju. Minflok, il-Ministru Bonnici dawwar dan ir-rapport bħallikieku kien xi ħaġa pożittiva.
Dan minkejja li r-rapporti juru tħassib dwar il-bejgħ tal-passaporti, l-iskandli ta’ ħasil ta’ flus, in-nuqqas ta’ indipendenza fl-MFSA, u l-isplużjoni fil-prezz tal-proprjetà.
Ippressat dwar dan, il-Ministru Bonnici kellu jammetti li fir-rapporti hemm indikat numru ta’ sfidi li qed jaffaċċja pajjiżna iżda prova jimminimizza dan.
Mistoqsi dwar it-tħassib tal-IMF fuq is-settur tal-edukazzjoni u l-pensjonijiet f’Malta, il-Ministru hawn ukoll prova jaħrab din il-problema.
Ir-rapport tal-IMF jgħid li r-riżultati tal-edukazzjoni f’Malta huma foqra u jillimitaw il-prospetti ta’ tkabbir u avvanz individwali, b’ħafna li jitilqu kmieni mill-iskola.
Dan apparti li l-Country Report tal-Kummissjoni wera biċ-ċar kif jeħtieġ pjan biex jiġu garantiti l-pensjonijiet.
//= $special ?>