Kunsilli Lokali Lokali

Il-Partit Nazzjonalista bi proposta biex l-anzjani Furjaniżi jibqgħu jgħixu fil-lokalità

Kunsill Lokali ġdid immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista jaħdem biex l-anzjani fil-Furjana jgħixu ħajja aktar diċenti viċin darhom u fil-lokalità li tant iħobbu.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt żjara fost ir-residenti u l-komunità kummerċjali fil-Furjana, akkumpanjat mill-Minority Leader u l-Kandidati għall-elezzjoni lokali, kif ukoll mill-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Dione Borg u l-Kordinatur Politiku Jean Pierre Debono.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista innota kif lokalità bħall-Furjana għandha popolazzjoni li qed tikber fiż-żmien u dan qed joħloq problema għax ir-residenti spiċċaw ħarġu mil-lokalità u ħallew bini li issa qed jispiċċa abbandunat.

Adrian Delia qal li din hi ħasra, speċjalment meta wieħed jinnota li din hi lokalità li tmiss mal-kapitali. Madankollu, dan iwassal ukoll biex il-popolazzjoni matul il-ġurnata tax-xogħol fil-Furjana tiżdied drastikament, ladarba qed naraw żieda kostanti fl-ammont ta’ ħwienet u uffiċini.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar l-impenn tat-tim żagħżugħ, li kull wieħed u waħda minnhom offrew li jkunu Kandidati f’isem il-Partit għall-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju li ġej.

Matul iż-żjara, spikkat l-imħabba li kull Furjaniż u Furjaniża għandhom lejn din il-lokalità, anke jekk maż-żmien kellhom iħallu dan il-post tant għal qalbhom. Min-naħa l-oħra, ħafna semmew ukoll il-fatt li f’din il-lokaltà m’hawn biżżejjed inizjattivi ta’ sigurtà minkejja li l-popolazzjoni hawn qegħda dejjem tixjieħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista pprova jidħol fl-Għassa tal-Pulizija, iżda din kienet magħluqa, b’tabella mwaħħla mal-bieb biex wieħed iżur l-Għassa tal-Belt. Il-persuni li tkellmu ma’ Adrian Delia nnutaw kif din hi problema ta’ kuljum fil-lokalità, bl-Għassa hawn ma tiftaħ kważi qatt.

Issemmew ukoll diversi ġonna u pjazez pubbliċi li jinsabu madwrar il-Furjana, bl-impenn tal-Kunsilliera Nazzjonalisti eletti f’Mejju li ġej ikun li dawn ikomplu jħaddru u jsebbħu l-ambjent.