Futbol Sport

Inter megħluba f’Sardenja minn Cagliari

(Ritratt: EPA)

Inter naqsu li jiksbu l-punti massimi għat-tieni logħba konsekuttiva meta sfaw megħluba 2-1 minn Cagliari fis-Sardegna Arena. B’dan ir-riżultat, Inter jistgħu jitilfu t-tielet post li ilhom iżommu kważi staġun sħiħ.

LUCA CEPPITELLI poġġa lil Cagliari minn fuq fil-31 minuta meta għola tajjeb għal free-kick mil-lemin, biex b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Samir Handanovic. Reazzjoni immedjata ta’ Inter li ġabu d-draw fit-38 minuta meta Radja Nainggolan tefa’ kross mil-lemin, b’LAUTARO MARTINEZ jidħol tajjeb biex b’daqqa ta’ ras b’saħħitha għeleb lil Alessio Cragno.

Iżda Cagliari reġgħu marru minn fuq ħames minuti wara. Kien kross mil-lemin indirizzat lejn LEONARDO PAVOLETTI li b’xutt mill-ewwel bid-dawra ħalla lil Handanovic iħares.

Fit-tieni taqsima, Inter kellhom diversi okkażjonijiet ta’ skor fosthom xutt ta’ Martinez li kien imċaħħad minn Cragno u l-wieqfa, u xutt tas-sostitut Borja Valero li spiċċa barra minn qagħda. Cagliari setgħu skorjaw it-tielet gowl fil-91 minuta iżda Nicolo Barella xxuttja għoli l-penalty.