Kultura

Ir-restawr tal-faċċata tal-Għaqda Mużikali Sant’Elena

Matul is-sena 2019, l-Għaqda Mużikali Sant’Elena ta’ Birkirkara qed tiċċelebra l-mitt sena mit-twaqqif tagħha fl-1919. Bħala parti mill-attivitajiet li qed torganizza sabiex tiċċelebra dan l-anniversarju, l-Għaqda daħlet għal numru ta’ proġetti bil-għan li ttejjeb il-faċilitajiet u r-riżorsi tagħha għall-ġejjieni, b’enfasi partikulari fuq il-valur u l-ħtieġa tal-volontarjat kemm fuq livell lokali kif ukoll nazzjonali.

Wieħed mill-proġetti hu dak tar-restawr tal-faċċata tal-każin tal-Għaqda, taħt l-isem ‘Upgrading our premises: providing better spaces for our volunteers and activities’, b’fond ta’ €19,380 u li jrid jitlesta f’ħames xhur sabiex il-faċċata restawrata tkun inawgurata nhar it-2 ta’ Mejju ta’ din is-sena.

Minbarra l-ħarsien u t-tisħiħ tal-aspett estetiku tagħha, r-restawr tal-faċċata se jġib serħan ir-ras akbar fost dawk li jżuru u jgħaddu regolarment minn ħdejn il-każin għaliex se jkun imneħħi kull periklu għas-saħħa u s-sigurta’ tal-individwi.

Dan il-proġett ġie ffinanzjat permezz taI-Voluntary Organisations Project Scheme amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.