Lokali

Jingħata bidu għall-Karnival tan-Nadur

Ilbieraħ ingħata bidu għall-Karnival tan-Nadur, fi Pjazza San Pietru u San Pawl.

Dan permezz tal-Karnival Organizzat mill-Kunsill Lokali tan-Nadur u bl-għajnuna tat-Tim Organizzattiv, li laqa’ aktar minn 600 parteċipant u eluf ta’ viżitaturi. Dan il-Karnival li kellu jkun pospost minħabba l-maltemp li laqat lil pajjiżna l-Ħadd li għadda, kien imżewwaq bi gruppi ta’ żfin bil-kostum, gruppi bi sketches tad-daħq, gruppi tat-tfal tal-iskejjel, sketches spontanji bil-maskli li jirriflettu il-Karnival Spontanju tan-Nadur, maskli grotteski, maskeruni u karrijiet trijonfali.

L-istess programm għalaq bil-Kukkanja għat-tfal u għall-kbar. Dan serva ta’ preludju għal ħamest ijiem ta’ Karnival Spontanju wara nżul ix-xemx fin-Nadur.

Intant illejla jibda l-Karnival fi Pjazza San Ġorġ bil-Belt Valletta. Għall-ħabta tal-5.30 se jkun hemm żfin kompetittiv minn kumpaniji taż-żfin fejn wara jsegwi Defile bir-Re tal-Karnival, maskri grotteski u karrijiet oħra.