Lokali

L-eks Ministru Louis Galea jindirizza laqgħa tal-APAN

Bħala parti minn serje ta’ laqgħat imtella’ mill-fergħa tal-Anzjani u Pensjonanti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, l-APAN,  kien imiss intervista mal-eks Ministru Louis Galea – intervista li tmexxiet minn Pio Dalli.

Fost l-oħrajn, Louis Galea qal li biex tipproġetta s-soċjetà ideali fil-ġejjiieni, trid tħares lejn dik tal-lum mil-bogħod biex  imbagħad tkun tista’ tfassal dik ta’ għada.  Huwa qal li jeħtieġ li wieħed jgħix illum fi gratitudni għal-bieraħ u għas-sisien sodi li ħallewna l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna.

Louis Galea wissa li huwa faċli li l-poplu jaqa’ għat- tentazzjoni ta’ soluzzjonijiet populisti u qal li hija sfida li nippruvaw insaffu l-fiduċja fil-politika u fil-politiċi.

Hu tkellem ukoll dwar il-politika tal-Gvern ibbażata fuq il-barranin u ddeskriviha bħala freefall, bla kontroll u bla pjan b’riżultat li mbagħad ikollu jsir crisis management tas-sitwazzjoni.

Semma wkoll l-isfidi li qed jaffaċċja l-ambjent  u l-kultura…. u qal li ta’ kuljum naħsdu dak li nkunu żrajna fix-xhur u s-snin ta’ qabel.

Louis Galea temm l-intervent tiegħu billi stqarr li l-post naturali ta’ Malta hu dak ġeografiku … jiġifieri fiż-żona Ewro Mediterranja.

Louis Galea kien attiv għal ħafna snin fil-partit, u serva bħala ministru tal-Edukazzjoni u l-Kultura, kif ukoll serva bħala membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Il-laqgħa ġiet indirizzata ukoll mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli.