Il-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja (SDF) li huma appoġġjati mill-Istati Uniti qalu li qed jistennew ‘il-battalji ħorox ħafna’ mat-terroristi fl-aħħar fortizza tal-ISIS li għadha teżisti fil-Lvant tas-Sirja. Dan meta l-SDF ilu jħejji għal ġimgħat biex jelimina ‘l-aħħar traċċi tal-ISIS’ fil-villaġġ ta’ Baghouz, viċin il-fruntiera tal-Iraq, u meta l-offensiva ppjanata kellha tkun posposta minħabba l-isforzi għall-evakwazzjoni ta’ eluf ta’ ċivili miz-zona.
L-Istati Uniti, issa, qalet li l-SDF ħa lura ‘qrib il-mija fil-mija tat-territorju Sirjan li kien ilu l-aħħar xhur ikkontrollat mill-ISIS’. Iżda s-sorsi mal-SDF qalu li l-fanatiċi tal-ISIS f’Baghouz ma jidhrux lesti biex iċedu u meta fadal iċ-ċivili fl-art amministrata mit-terroristi.
Il-Qawwiet Demokratiċi tas-Sirja, fil-preżent, qed jaħsbu biex jevakwaw grupp kbir ieħor ta’ ċivili, bil-kelliema jgħidu li ‘ma kellhomx jassedjaw Baghouz qabel jaċċertaw bis-sħiħ li ma jkunx fadal ċivili fil-villaġġ. Madwar 40,000 persuna, fl-aħħar tliet xhur, ħarġu mill-eksterritorji tal-ISIS waqt li l-qawwiet tal-SDF stinkaw biex ikeċċu lit-terroristi mill-aħħar zoni fis-Sirja. Sar magħruf ukoll, issa, li ħafna min-nies li ħarġu minn Baghouz kienu qed jgħixu taħt l-art, ġo numru ta’ għerien u mini.
Għalkemm il-kontroll eventwali ta’ Baghouz għandu jitqies bħala żvilupp importanti fil-kampanja militari anti-ISIS, it-terroristi xorta jibqgħu theddida għas-sigurtà peress li jistgħu jaddottaw it-tattiċi ta’ gwerrillieri.
//= $special ?>


