Internazzjonali

Spanja: Residenza għal 400,000 Britanniku f’sitwazzjoni ta’ ‘hard Brexit’

L-awtoritajiet fi Spanja qed jaħsbu biex jagħtu residenza lil xi 400,000 ċittadin Britanniku f’sitwazzjoni ta’ hard Brexit – jiġifieri f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkollu għall-aċċess għas-suq komuni u l-unjoni doganali (mal-istess UE).  F’din is-sitwazzjoni ir-Renju Unit anki jkollu  kontroll sħiħ fuq il-fruntieri tiegħu u l-kapaċità biex ifassal ftehim kummerċjali ġodda.

Intant, il-‘pjan għar-residenza (fi Spanja)’ sar magħruf minn rapport fl-El Pais li ħareġ qabel il-pubblikazzjoni tal-pjani ta’ kontinġenza ta’ Madrid għall-Brexit. Il-pjan għar-residenza jesiġi li l-miżuri li taqbel dwarhom Spanja se jibbażaw fuq il-kundizzjoni li l-istess termini jkunu japplikaw lill-Ispanjoli li qegħdin jgħixu u jaħdmu fir-Renju Unit.

Skont l-El Pais, il-leġislazzjoni ta’ kontinġenza Spanjola dwar Brexit tapplika wkoll għal Ġibiltà – bir-rapport jenfasizza li l-Gvern f’Madrid għandu jinsisti dwar sehem fl-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ( ta’ Brexit) għal din il-peniżola.

Kien maħsub li l-abbozz jintbagħat immedjatament lill-Parlament ta’ Madrid li dalwaqt għandu jxolji qabel l-elezzjonijiet nazzjonali bikrija fi Spanja.

Proprju x-xahar li għadda, il-Gvern Spanjol kien approva digriet biex iqabbad mal-1,735 ħaddiema ġodda fis-settur pubbliku biex jieħdu ħsieb il-konsegwenzi tal-Brexit – b’mod partikulari fejn jidħlu kontrolli doganali u mal-fruntiera.