Lokali

Żewġ persuni jweġġgħu f’inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żebbuġ

Ilbieraħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija, mara ta’ 26 sena u raġel ta’ 28 sena mis-Siġġiewi ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura. Dan wara li kienu involuti f’inċident tat-traffiku fi Triq l-Imdina, Ħaż-Żebbuġ.

Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-mara kienet qed issuq vettura tat-tip Mitsubishi u għal xi raġuni tilfet il-kontroll tal-karozza bil-konsegwenza li qabdet il-bankina u nqalbet. Flimkien mal-mara fl-istess karozza kien hemm passiġġier.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet liż-żewġ persuni l-Isptar Mater Dei għal iktar kura fejn aktar tard il-mara ġiet ċertifikata li sofriet minn ġrieħi ħfief filwat li r-raġel sofra minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.