Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Żewġ rapporti iebsin għall-Gvern f’temp ta’ 24 siegħa

Żewġ rapporti iebsin f’temp ta’ 24 siegħa – żewġ rapporti li jikkonfermaw dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista – żewġ Rapporti Ekonomiċi dettaljati u studjati, li jixgħelu l-allarm fuq id-daqqa għar-reputazzjoni li kellna fis-settur bankarju, fuq il-mod kif il-Gvern qed ibiegħ il-passaporti, fuq il-mudell ekonomiku ta’ Muscat li qed jisplodi l-poplazzjoni tal-pajjiż, fuq il-prezz dejjem jiżdied tal-proprjetà, fuq in-nuqqas ta’ indipendenza fl-MFSA u l-istejjer kollha relatati ma’ ħasil ta’ flus.

Kollha punti ta’ tħassib – kollha elementi li mhux biss qed jiġu injorati mill-Gvern, imma f’ħafna mill-każi ħoloqhom huwa stess; bħall-Bejgħ taċ-Ċittadinanza u ż-żieda fil-popolazzjoni.

L-ewwel daqqa għal Muscat waslet mill-Country Report li kull sena toħroġ il-Kummissjoni Ewropea. Iżda jekk dan ma kienx biżżejjed, mal-ewwel ħareġ ir-Rapport tal-IMF illi kważi kważi jagħti xokk akbar lill-magna ta’ Kastilja.