Hekk kif bdiet tissemma’ l-ħatra ta’ Nadine Lia fil-bankijiet tal-ġudikatura, għadd ta’ avukati qed jesprimu rabja u frustrazzjoni għas sitwazzjoni fil-Qorti – sitwazzjoni li qed isejħulha bhala inaċċettabili, tal-mistħija u saħansitra li taf twassal għal ksur ta’ smigh xieraq.
Dan qaluh numru ta’ avukati li tkellmu ma’ Net News taħt il-kundizzjoni li isimhom ma jixxandarx.
Fir-rabja ta’ dawn l-avukati qed tibqa’ tidwi ċ-ċanfira serja li qalgħet Lia mingħand l-Imħallef Michael Mallia lura fl-2010 meta sejjaħ l-aġir tagħha bħala “tal-mistħija” u li jagħmel għajb għall-professjoni legali – aġir li l-Imħallef qal li qatt ma kien ra bħalu f’20 sena fil-Qorti. Ċanfira serjissima li rari ħafna tisma bħala fil-Qrati.
Avukati issa qegħdin ukoll jirreferfu għal għadd ta’ materji oħra li jinvolvu l-istess familja Lia. Din id-darba lil Pawlu Lia; missier ir-raġel ta’ Nadine Lia li hu l-avukat tal-Partit Laburista u l-avukat ta’ Joseph Muscat.
Numru ta’ avukati qed jikkontestaw il-fatt li Pawlu Lia huwa membru tal-Kummissjoni għal-Ġustizzja responsabbli għad-dixxipplina tal-maġistratura, u billi proċeduri bħal dawn huma sigrieti, imħallef jew maġistrat ma jkunx jaf jekk hux se jidher quddiem Pawlu Lia bħala membru tal-Kummissjoni – sitwazzjoni li tpoġġi lill-parti l-oħra f’sitwazzjoni inġusta, b’uħud jgħidu li tikkostittwixxi ksur ta’ smigħ xieraq.
Uħud qed jghidu li l-persuna nnominata mill-Prim Ministru fuq il-Kummissjoni m’għandhiex tkun avukat li jipprattika fil-Qrati kuljum. Fatt li jiżvantaġġja kemm lilu fil-konfront ta’ sħabu, kif ukoll ipoġġi membri tal-ġudikatura f’pożizzjoni skomda, u hi possibilment fi ksur tad-drittijiet tal-partijiet l-oħra għal smigħ xieraq, f’każi fejn Pawlu Lia hu wieħed mill-avukati.
Filwaqt li kien mistenni li l-ħatra ta’ Nadina Lia toħloq kontroversja sħiħa, mhux biss minħabba r-relazzjoni ma’ Pawlu Lia, imma anke wara ċ-ċanfira serja mill-Qorti, fil-kuruturi ta-Qorti qed iduru xnihat li xi avukati qed jikkunsidraw li jiftħu kawża kostituzzjonali biex jisfidaw din il-ħatra fuq bażi ta’ ksur għal smigħ xieraq.
//= $special ?>