Lokali

Għaqdiet jikkritikaw in-“nuqqas ta’ azzjoni”: il-Pulizija tiċħad u tgħid li ħarġet akkużi kontra l-aggressur

Wara li l-video tal-inċident tal-allegata aggressjoni domestika f’ħanut fi Triq Bisazza f’Tas-Sliema deher fuq diversi siti tal-aħbarijiet, diversi għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza ikkritikaw lill-Pulizija talli ma’ ħaditx azzjoni.

Fi stqarrija, l-għaqdiet esprimew diżappunt li l-pulizija ma ħaditx azzjoni kontra raġel li mar iħebb għas-sieħba tiegħu fil-post tax-xogħol tagħha.

L-Għaqdiet fakkru li bit-tibdil fil-liġi kriminali li sar is-sena l-oħra, il-Pulizija tista’ taġixxi f’każi ta’ vjolenza domestika mingħajr l-ħtieġa ta’ rapport min-naħa tal-vittma.

Iżda fi stqarrija separata, il-Pulizija ċaħdet li ma ttieħditx azzjoni f’dan il-każ.

Il-Pulizija qalet li t-Tnejn stess, dakinhar tal-inċident, Pulizija tad-Distrett assistiti mir-Rapid Intervention Unit marru fuq il-post fejn sid in-negozju ma xtaqx jieħu azzjoni għaliex il-ħsara kienet minima filwaqt li l-vittma ma’ rieditx tikkopera mal-Pulizija u lanqas ma riedet tidentifika l-aggressur.

Eventwalment, il-Pulizija irnexxielha tidentifika l-aggressur u ħarġet akkużi fil-konfront tiegħu.