Lokali

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival jidħlu fit-tieni jum tagħhom

Is-Sibt komplew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival, bil-qofol taghhom sehhew fil-Belt Valletta hekk kif sfilati tal-karrijiet tmexxew tul Pjazza San Ġorġ u Pjazza Tritoni.

Saret ukoll Il-Qarċilla bejn l-4 u 7pm, miktuba mill-awtur famuż Trevor Zahra, li hija drama satirika, stil tipiku tal-karnival Malti, li timita tieġ.

NET News mar il-Belt Valletta fejn staqsa lit-tfal dwar il-kostumi tagħhom u dwar l-opinjoni tagħhom tal-karnival.

Iċ-ċelebranti tal-Karnival ma kinux imxekkla minkejja li t-temp is-Sibt kien ftit jew wisq imsaħħab, b’riħ qawwi li tellef xi ftit iċ-ċelebrazzjonijiet. L-Uffiċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali wissa li r-riħ għandu jibqa’ b’saħħtu sat-8 ta’ filgħaxija iżda warra se jbatti fil-qawwa tiegħu.

Rapporti tat-temp qed ibassru li jaf tagħmel xi ħalbiet tax-xita iżolati tul il-jum tal-Ħadd.

Il-Ħadd mistennija terġa’ ssir il-Qarċilla, parata tal-karrijiet ġewwa l-Ħamrun u anke l-Belt Valletta, kif ukoll żfin kompettitiv fejn il-kompetituri jingħata l-opportunità jippreżentaw il-kreazzjoni artistika bil-kostumi u l-koreografija tagħhom.