F’dawn l-aħħar ġimgħat, il-Bank of Valletta għalaq numru ta’ kontijiet li huma denominati bid-dollaru Amerikan.
Il-ġurnal Times of Malta jirrapporta li din l-attivita’ qed issir fl-isfond ta’ pressjoni li qed iżżid fuq is-settur bankarju u finanzjarju ta’ pajjiżna minħabba r-riskju lir-reputazzjoni ta’ Malta wara nuqqasijiet ta’ monitoraġġ u azzjoni f’każi ta’ ħasil tal-flus u fondi li ġejjin mill-kriminalita’ organizzata.
Klijenti li għandhom kontijiet denominati bid-dollaru Amerikan kienu nfurmati mill-Bank li minħabba reiviżjoni ta’ policies interni, il-Bank m’għadux f’pożizzjoni li jipproċessa transazzjonijiet mill-kontijiet bid-dollaru Amerikan. Il-Bank avża wkoll li se jkompli jipproċessa transazzjonijiet b’muniti oħrajn iżda l-kontijiet bid-dollaru ingħalqu b’effett immedjat.
Sorsi li tkellmu mal-ġurnal Times of Malta qalu li dan l-eżerċizzju jista’ jfisser ukoll li l-Bank għandu diffikulta biex isib dawk li jissejjħu correspondent banks għad-dollaru Amerikan.
L-istess sorsi qalu li s-settur bankarju Malti ilu fir-radar għal numru ta’ snin u filwaqt li l-awtoritajiet jibqgħu jgħidu li Malta hija ġurisdizzjoni soda, ħafna pajjiżi mhux qed jaqblu ma’ dan.
Dan l-aħħar żvilupp jasal ftit jiem biss wara li l-Kap Eżekuttiv tal-HSBC f’Malta wissa dwar il-problemi fir-reputazzjoni ta’ Malta.
Dan minbarra l-Country Report tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali li kienu ppubblikati iktar kmieni din il-ġimgħa li kellhom twissijiet serji.
Times of Malta fakkar ukoll li s-sena li għaddiet, Deutsche Bank, waqqaf ħesrem is-servizz ta’ correspondent bank fid-Dollaru Amerikan mal-Bank of Valletta mingħajr ma ta raġuni.
Sadanittant, fi stqarrija bi tweġiba, il-Bank of Valletta qal li l-kontijiet li qed jingħalqu huma ta’ klijenti li huma meqjusa bħala riskjużi. Dan bħala parti minn programm ta’ diversi snin ta’ tneħħija ta’ riskji. Il-Bank jibqa’ joffri kontijiet bid-dollaru Amerikan, ittemm l-istqarrija.
//= $special ?>

