Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi huwa kunsill li dejjem ġab riżultati pozittivi u huwa kunsill li jaħdem. Dejjem kien il-Partit Nazzjonalista li ħadem għas-Siġġiewi u dan jidher fid-diversi proġetti fil-qasam kulturali, sportiv u nfrastrutturali. Dan kien messaġġ ewlieni tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, waqt attività li saret fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista fi Pjazza San Nikola fis-Siġġiewi.
L-attivita’ kienet indirizzata wkoll mill-kandidati għall-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Il-Partit Nazzjonalista għandu sitt kandidati. Dawn huma Abela Alex, Borg Julian, Farrugia Francine, Farrugia Pace Gillian, Grima Joseph u Psaila Zammit Alessia.
Alex Abela tkellem dwar l-esperjenza tiegħu bħala resident għal 17-il sena fis-Siġġiewi. Hu qal li s-Siġġiewi baqa’ raħal sabiħ, b’Kunsill li jaħdem. Abela qal li bħala professjonist mill-qasam tal-accountancy se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu biex il-Kunsill Lokali jibqa’ jkun wieħed professjonali u suċċess għall-ġid tar-residenti Siġġiwin.
Il-Viċi Sindku Julian Borg elenka diversi proġetti li wettaq b’suċċess il-Kunsill mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista, fl-aħħar erba’ snin. Hu tkellem ukoll dwar proġetti li għandu ppjanati l-Kunsill għas-snin li ġejjin u li jinkludu proġetti infrastruturali u prġgetti għal qasam soċjali.
Francine Farrugia tkellmet dwar is-sehem taż-żgħażagħ fil-politika. Hi semmiet l-esperenzji tagħha fil-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ u l-programm Future Leaders. Francine Farrugia qalet li se tkun qed taħdem biex tkun viċin is-Siġġiewi u tifhem l-aspirazzjonijiet u bżonnijiet tagħhom.
Joseph Grima tkellem dwar l-integrità fil-politika. Hu qal li bħala persuna mis-Siġġiewi irid jagħti kontribut biex jibqa’ jiġi mħares is-Siġġiewi bħala raħal b’ambjent mill-isbaħ. Hu qal li qed jikkontesta mal-Partit Nazzjonalista għaliex jemmen li għandu l-aħjar politika bbażata fuq l-integrità, professjonalità u viżjoni għas-Siġġiewi u għal pajjiż.
Is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit tkellmet dwar ħidma ma taqta xejn tal-Kunsill Lokali, li matul din l-leġislatura wassal biex inġieb investiment ta’ madwar żewġ miljun ewro fit-toroq tas-Siggiewi. Hi tkellmet dwar xogħolijiet oħra li qed isiru b’fondi Ewropej u dwar investiment sostanzjali li se jsir fis-snin li ġejjin, grazzi għall-politika ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Is-Sindku Psaila Zammit qalet li kunsill mmexxi minnha diġa’ ħejja l-pedamenti għall-proġetti soċjali u nfrastrutturali għall-erba’ snin li ġejjin, waqt li l-politika tal-Partit Laburista għadha toffri biss proposti fl-għama u mozzjonijiet b’informazzjoni li qas biss tkun korretta u studjata tajjeb.
Fl-attività tqassam leaflet t’informazzjoni li ħejja l-Kumitat tal-Partit Nazzjonalista fis-Siġġiewi mmexxi mill-President Anthony Schembri. Hu tkellem dwar ħidma li l-kumitat qed iwettaq flimkien mal-kandidati u dwar xogħolijiet riċenti li saru fil-Każin Nazzjonalista.
//= $special ?>