“Il-ħaddiema tagħna jinsabu f’periklu li jaħdmu u minkejja dan jispiċċaw fil-faqar xorta waħda”
Dan kien il-qofol tal-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tal-PN, Clyde Puli, f’diskors li għamel waqt laqgħa ta’ diskussjoni s-Sibt filgħodu fid-Dar Ċentrali minn Dione Borg, kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fejn fost oħrajn ġew indirizzati problemi soċjali bħall-housing, il-kirjiet u d-droga.
Clyde Puli għamel enfasi dwar l-importanza li l-politiċi jinżlu għal-livell tan-nies u jifhmu l-problemi li jkunu għaddejjin minnhom.
Hawnhekk tkellem dwar ċerti problemi li qed jinħolqu, li sfortunatament qed jinħolqu mill-mudell ekonomiku stess li introduċa Gvern Laburista. Stqarr illi qed jiġi kreat il-ġid permezz ta’ populazzjoni li qiegħda tiżdied, iżda dan l-istess ġid mhux qed jitqassam sew.
Dan jidher biċ-ċar fil-problemi li qed iqumu bil-kirjiet, fejn il-kirjiet għolew b’persentaġġ għoli ħafna, iżda l-paga baqgħet l-istess.
Is-Segretarju Ġenerali wissa illi dan in-nuqqas ta’ pjan mill-Gvern se jwassal għal problemi kbar, fejn se jkun hawn ammont ta’ nies li jkunu jistgħu jibnu torrijiet, iżda se jkun hawn ammont ħafna akbar ta’ nies li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Apparti dan, qal ukoll illi pajjiżna jinsab fi kriżi hekk kif ninsabu milquta minn problemi ta’ skart, ta’ arja u problemi fis-settur tal-edukazzjoni fost l-oħrajn.
Għall-issue group organizzat u mmexxi minn Dione Borg, kienu mistiedna għaqdiet biex jagħtu l-kontribut u l-proposti tagħhom, kif ukoll individwi li spjegaw l-esperjenzi personali tagħhom.
Preżenti għad-diskussjoni kien hemm il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-akkomodazzjoni Soċjali u l-Ġlieda kontra l-faqar Ivan Bartolo, kif ukoll id-deputati Nazzjonalisti Maria Deguara u Ryan Callus. Attenda wkoll Albert Buttigieg li huwa l-eks kap eżekuttiv tal-Awtorità tad-djar.
//= $special ?>