Lokali

It-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan tal-Gvern qed twassal biex ħaddiema barranin jgħixu f’postijiet iffullati u l-Maltin imħassbin bil-propjetà u l-kirjiet għoljin

Il-politika tal-Gvern Laburista li jkabbar il-popolazzjoni bla pjan qed twassal biex il-ħaddiema barranin jgħixu f’postijiet iffullati kif ikkonfermat waqt li l-Maltin u l-Għawdxin jinsabu imħassbin bil-prezzijiet tal-kirjiet u tas-suq tal-propjetà li qegħdin jogħlew dan kif jirriżulta mill-istatistika Ewropea u mill-Ewrobarometru.

Fi stqarrija l-Kelliema tal-Oppozizzjoni dwar il-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Propjetà Marthese Portelli u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda kontra l-Faqar, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali  Ivan Bartolo, saħqu li l-Gvern m’għandux pjan għaż-żieda fil-popolazzjoni issa ġiet ikkonfermata wkoll mill-aħħar statistika tal-Eurostat li turi kif 12.8% tal-ħaddiema barranin ‘il barra mill-Unjoni Ewropea qed ikollhom jgħixu f’appartamenti ffullati. Dan għaliex m’hawn pjan fit-tul dwar kemm il-pajjiż u l-ekonomija jeħtieġu ħaddiema barranin.

L-istatistika tal-Eurostat tingħaqad mar-rapport tal-Eurobarometru, li wera kif il-Maltin u l-Għawdxin jinsabu mħassbin bil-housing, minħabba l-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-propjetà u tal-kirjiet li qegħdin jagħmluha ferm diffiċli biex iż-żgħażagħ jixtru l-ewwel propjetà tagħhom u biex il-familji jkollhom saqaf fuq rashom. Il-Gvern Laburista qiegħed ukoll jisfrutta lill-barranin li qed iġib, b’kundizzjonijiet li mhux aċċettabbli bħal fil-każ tal-immigranti li nstabu jgħixu fl-irziezet.

In-nuqqas ta’ pjan għat-tkabbir fil-popolazzjoni hija wkoll evidenti fiċ-cheap labour li qed jerġa’ jgħolli rasu kif qalet Yana Mintoff, bint l-eks Prim Ministru Dom Mintoff u wkoll fis-settur tal-edukazzjoni fejn l-istudenti spiċċaw jieħdu t-tagħlim tagħhom fil-kontejners għax m’hawnx klassijiet biżżejjed. Dawn il-problemi f’setturi differenti, se jibqgħu jiżdiedu bid-deċiżjoni tal-Gvern stess li jibqa’ jġib 15,000 ħaddiem barrani kull sena u fl-istess nifs ibeżża’ lill-anzjani li mhux se jagħtihom il-pensjoni jekk ma jiġux barranin, u dan wara li l-anzjani jkunu jagħmlu għomorhom jaħdmu għall-pensjoni.

Kif qal kemm ‘il darba l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħti garanzija li meta jerġa’ jkun fil-Gvern kulħadd se jkollu saqaf rasu. Il-benesseri tan-nies u tas-soċjetà huma għal qalb il-Partit Nazzjonalista u għalhekk mill-Oppożizzjoni, qed iressaq proposti konkreti għal setturi li jinsabu f’diffikultà bil-mudell ekonomiku ta’ Gvern Laburista, fosthom għall-Kunsilli Loklai, s-sostenibbilità tal-bdiewa u r-raħħala, l-qbiela, work-life balance, għall-iskart tal-kostruzzjoni, l-kanċer, l-ambjent u Għawdex.