Futbol Sport

Juventus ifittxu li jagħtu d-daqqa mortali lil Napoli

Qabel beda l-istaġun, Juventus kienu favoriti netti li jirbħu t-tmien kampjonat konsekuttiv u għalhekk mhux sorpriża li jinsabu fil-quċċata. Id-distakk mill-eqreb sfidanti Napoli bħalissa hu ta’ 13-il punt u ħafna qed jgħidu li l-kampjonat ilu magħluq.

Juventus qed iħarsu lejn dan il-konfront bħala ċ-ċans li jagħtu d-daqqa mortali lil Napoli b’rebħa fil-logħba diretta bejniethom. Dan minkejja li b’telfa d-distakk xorta jkun għadu kbir ta’ 10 punti. Napoli jinsabu fl-istess sitwazzjoni hekk kif huma xxamplati fit-tieni post b’disa’ punti fuq Inter.

Matul din il-ġimgħa, kien hemm dubju wkoll dwar il-preżenza ta’ Cristiano Ronaldo li weġġa’ ftit iżda jidher li rkupra u għalhekk mistenni jkun fil-formazzjoni inizjali. Hu mistenni jkun akkumpanjat fl-attakk minn Mario Mandzukic u Paulo Dybala.

Napoli ġejjin minn rebħa kbira ta’ 4-0 fuq Parma u l-partitarji ta’ Napoli se jkunu qed jistennew prestazzjoni qalbiena bit-tama li jagħtu l-ewwel telfa fil-kampjonat lil Juventus. Għal din il-logħba mistennija attendenza tajba filwaqt li se jkun hemm sigurtà massima għall-partitarji Juventini minħabba r-rivalità li teżisti bejn it-tnejn.

Logħba oħra mistennija hi d-derby ta’ Ruma f’dak li hu wkoll konfront dirett għat-taqtigħa għal post fil-UEFA Champions League staġun ieħor. Lazio bħalissa jinsabu seba’ punti bogħod mit-tim tar-raba’ post Milan għalkemm b’logħba anqas. It-tim ta’ Simone Inzaghi batew wara l-waqfa tax-xitwa bi tliet rebħiet biss minn 10 logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha fosthom eliminazzjoni mill-Europa League.

L-avversarji tagħhom Roma jinsabu aktar fil-forma hekk kif rebħu erba’ mill-aħħar ħames konfronti tagħhom filwaqt li tilfu logħba biss mill-aħħar 12 fis-Serie A. Fil-preżent, il-moral fil-klabb ta’ Roma jinsab għoli hekk kif jinsabu qrib Inter u Milan.

Jekk Lazio qed ibatu biex jiskorjaw b’10 gowls f’10 logħbiet fosthom erbgħa kontra Novara, Roma għandhom it-tielet l-aqwa attakk b’49 gowl. Lazio jidhru aktar dipendenti fuq Ciro Immobile li fl-aħħar logħba nixef mill-gowls. Roma rebħu tliet darbiet mill-aħħar ħames logħbiet filwaqt li Lazio rebħu biss sitt darbiet fl-aħħar 23 konfront bejniethom.

Serie A

Ilbieraħ: Cagliari v Inter 2-1, Illum: Empoli v Parma 3.00pm, Milan v Sassuolo 6.00pm, Lazio v Roma 8.30pm, Għada: Torino v Chievo 12.30pm, Genoa v Frosinone 3.00pm, Spal v Sampdoria 3.00pm, Udinese v Bologna 3.00pm, Atalanta v Fiorentina 6.00pm, Napoli v Juventus 8.30pm

Tags