Għadu kmieni wisq biex wieħed jieħu idea ċara tal-kobor tal-ispiża tal-ħsarat riżultat tal-maltemp li laqat il-gżejjer Maltin fl-aħħar jiem.
Net News kellem lil diversi esperti fl-industrija li qalu li fadal ġimgħat biex wieħed ikollu stima ċara ta’ kemm hi kbira l-ħsara li saret.
Dan minħabba diversi fatturi….
Hemm ħsarat li wieħed jista’ jdum ma jintebaħ bihom…jew għax ma jkunux jidhru mal-ewwel, jew għax ikunu fi propjetatjiet li ma jintużawx regolarment… imbagħad għandek persuni li jdumu ma jagħmlu l-claim tagħhom mal-insurance u għaldaqstant l-insurance tkun għadha ma tafx bihom…. hemm ukoll claims li jdumu ma jidħlu għax dak li jkun ikun imsiefer…
Għaldaqstant, l-iskala tal-ħsarat għadha ma tistax tiġi kkalkolata. Madankollu l-esperti huma ċerti li l-ispejjeż totali se jkunu fil-miljuni.
Huma tkellmu fost l-oħrajn dwar ħsarat kbar li sofrew pannelli tax-xemx, fejn f’ċertu każi saħansitra nqalgħu u taru mar-riħ… Kelliema fil-qasam qalu li kull claim li tinfetaħ trid tiġi vverifikata u surveyors jintbgħatu biex jevalwaw il-ħsarat… eżerċizzju li jeħtieġ tul ta’ żmien biex isir.
Net News tkellem ma’ Keith Mallia Milanes, Assistant Manages fil-kumpanija Mapfre Middlesea li qalilna li minbarra claims għal ħsarat fid-djar u residenzi privati, huma rċevew ukoll għadd ta’ claims oħra bħal per eżempju mingħand marinas, minn siti tal-kostruzzjoni u minn oqsma industrijali.
Mistoqsi x’parir jista’ jagħti lill-pubbliku, hu qal li jekk, bħal f’dan il-każ, wieħed ikun jaf li ġej il-maltemp, għandu jieħu l-prekawzjonijiet kollha li jista biex jipproteġi l-propjetà tiegħu mill-aħjar li jista. Hu qal ukoll li min ġarrab ħsarat, għandu jagħmel claim kemm jista jkun malajr hekk kif jintebaħ bihom.
//= $special ?>