Lokali

Muscat jagħmel ‘U-turn’ fuq il-Metrò u ma jemminx fl-ippjanar għall-iżvilupp

Il-Prim Ministru Joseph Muscat l-ewwel iddieħek bil-proposta tal-Partit Nazzjonalista għal metro u issa sentejn wara qed jgħid li għada pitgħada se jibda jaħseb fuq sistema tal-metro.

Hekk tgħid stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista, wara l-istqarrija li għamel Joseph Muscat waqt il-laqgħa ġenerali annwali tal-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi. L-istqarrija tgħid li l-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar li sentejn wara l-Prim Ministru ġie fi kliemu u issa qed jaqbel mal-proposta li kien ressaq il-Partit Nazzjonalista stess biex jsir proġett tal-metro f’Malta. Dan ifisser li dak li Joseph Muscat għamel żmien prova jiddieħek bih issa jrid jagħmlu tiegħu, u dan f’paniku biex jipprova jsolvi l-problemi tat-traffiku u tal-infrastuttura li ħoloq hu stess bil-politika tiegħu li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan.

Joseph Muscat stqarr dan waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin meta qal li qed isiru studji li jinsabu fi staju avvanzat biex issir sistema ta’ Metrà taħt l-art.

L-istqarrija tkompli tgħid li għalkemm fil-budget għal din is-sena, l-Gvern ma semma’ xejn dwar investimenti f’sistemi alternattivi għat-trasport bħal metro, Joseph Muscat issa qed jgħid li jrid jibni metro hu. Dan meta fl-2017, fi żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien diġà ressaq din il-proposta, huwa kien minn tal-ewwel sabiex jipprova jiskreditaha, però kif jgħidu better late than never li issa ħa jibda jaħseb fuq metro system taħt l-art.

L-istqarrija, iffirmata minn Toni Bezzina, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura, tkompli tgħid li l-Partit Nazzjonalista issa jispera li jekk isir proġett tal-metro, dan ma jkunx biss bħala skuża għal Joseph Muscat biex iġib aktar ħaddiema barranin biċ-cheap labour b’detriment għall-ħaddiema Maltin jew biex jibqgħu jiggwadanjaw il-ftit tal-qalba b’detriment għall-investituri serji.

Intant illum fl-editorjal tagħha, il-gazzetta The Malta Independent tirreferi għall-istqarrija li għamel Joseph Muscat waqt din l-istess laqgħa, dwar l-ippjanar fl-iżvilupp, meta qal li ma jemminx li tista tbassar u tippjana għal-25 sena mil-lum.

Dan minkejja li waqt l-istess laqgħa, kien propju l-president tal-Assoċċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti, li stqarr li dan il-pajjiż falla fl-ippjanar.

Il-ġurnal jgħid li l-kwestjoni dwar din l-istqarrija tal-Prim Ministru Muscat hi li l-iżvilupp b’rata mgħaġġla ħafna li qed nesperjenzaw qed ikollu effett negattiv issa fis-suq tal-propjetà u li s-settur mhux biss għandu bżonn ta’ ppjanar fit-tul, iżda wkoll ta’ soluzzjoni immedjata għall-problemi li nħolqu.