Sa ġimgħa ilu, Tottenham Hotspur kienu jinsabu b’ċans li jersqu qrib l-ewwel tnejn biex jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Iżda żewġ telfiet konsekuttivi barra minn darhom kontra Burnley u Chelsea wasslu biex mhux biss inqatgħu mill-ewwel tnejn, iżda issa jridu joqogħdu attenti li ma jitilfux it-tielet post minħabba l-pressjoni tat-tliet timijiet ta’ warajhom.
Ironikament, il-konfront li jmiss hu derby ieħor ta’ Londra u se jilqgħu lil Arsenal, it-tim li jinsab warajhom fil-klassifika. Telfa oħra tara lil Arsenal jagħlqu d-distakk għal punt biss u tkun tfisser ukoll it-tielet telfa konsekuttiva għalihom għall-ewwel darba minn Novembru tal-2012.
Arsenal ġejjin minn tliet rebħiet konsekuttivi, bl-aħħar waħda tkun ta’ 5-1 kontra Bournemouth. F’din il-logħba rritorna għall-gowl Mesut Ӧżil li fl-aħħar xhur kien kważi barra mill-iskwadra. Dan il-plejer ta’ kwalità jista’ jagħti daqqa ta’ id tajba lit-tim ta’ Unai Emery hekk kif qed jittamaw li jirritornaw fiċ-Champions League.
Id-dwell għar-rebħ tal-kampjonat ikompli b’Liverpool għandhom l-aktar konfront diffiċli minħabba li se jilagħbu d-derby ta’ Merseyside kontra Everton. Fl-ewwel rawnd f’Anfield, kellu jkun gowl fl-aħħar sekondi li rebbaħ lil Liverpool.
Huma ġejjin minn tliet draws fl-aħħar ħames logħbiet fil-Premier League, filwaqt li Everton irritornaw għar-rebħ fl-aħħar logħba wara tliet telfiet konsekuttivi. Everton ilhom 18-il logħba mingħajr rebħa kontra Liverpool u xejn ma jkun aħjar għall-partitarji tat-Toffees li jtemmu din is-serje negattiva proprju għada biċ-ċans li jtellfu l-quċċata lill-ġirien.
Manchester City imorru fil-Vitality Stadium kontra Bournemouth. Iċ-champions Ingliżi ġejjin minn erba’ rebħiet konsekuttivi fil-Premier League filwaqt li l-forma tal-avversarji hi bil-kontra hekk kif kisbu biss punt fl-aħħar erba’ logħbiet. Staġun ilu, Manchester City kellhom bżonn gowl fl-aħħar azzjoni biex rebħu l-konfront.
Manchester United jibdew favoriti li jkomplu s-sensiela pożittiva b’konfront f’Old Trafford kontra Southampton, tim li fl-ewwel rawnd kien żammhom fi draw ta’ 2-2 fis-St. Mary’s Stadium. Għalkemm jista’ jirkupra xi plejers, il-manager temporanju Ole Gunnar Solskjaer se jkollu numru ta’ plejers neqsin.
Chelsea jittamaw li l-prestazzjoni tajba kontra Manchester City fil-finali tal-League Cup u r-rebħa kontra Tottenham fost il-ġimgħa jkunu l-bidu ta’ serje pożittiva, bit-tama li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa fil-kampjonat. Wieħed irid jara x’se tkun id-deċiżjoni ta’ Maurizio Sarri dwar min se jkun fil-lasta, jekk hux Kepa Arrizabalaga jew Willy Caballero wara dak li seħħ fl-aħħar jiem. Huma se jilagħbu f’wieħed mid-derbies ta’ Londra kontra Fulham. Din il-logħba se timmarka bidu ieħor għal Fulham f’dan l-istaġun wara li neħħew lil Claudio Ranieri mill-kariga.
Tim ieħor li se jkollu bidla fit-tmexxija teknika hu Leicester. Brendan Rodgers se jagħmel id-debutt wara li segwa lit-tim jirbaħ kontra Brighton nhar it-Tlieta. Huma jilagħbu f’Vicarage Road kontra Watford, b’ċans li jnaqqsu d-distakk minn magħhom għal żewġ punti u jsaħħu t-tama li jispiċċaw fis-seba’ post.
Premier League
Illum: Tottenham v Arsenal 1.30pm, Bournemouth v Man City 4.00pm, Brighton v Huddersfield 4.00pm, Burnley v Crystal Palace 4.00pm, Man United v Southampton 4.00pm, Wolves v Cardiff 4.00pm, West Ham v Newcastle 4.00pm, Għada: Watford v Leicester 1.00pm, Fulham v Chelsea 3.05pm, Everton v Liverpool 5.15pm
//= $special ?>