Futbol Sport

Everton iċaħħdu l-quċċata lil Liverpool

(Ritratt: Premier League)
Rebħiet għal Chelsea u Watford

Liverpool fallew l-opportunità li jirritornaw fil-quċċata tal-Premier League hekk kif kienu miżmuma fi draw ta’ 0-0 kontra r-rivali Everton f’Goodison Park. Il-partita għat-tim ta’ Klopp f’Goodison Park kienet minn qabel diffiċli, speċjalment minħabba r-rivalità li teżisti.

Mohamed Salah kellu tliet opportunitajiet li jsir l-aktar plejer veloċi li jiskorja 50 gowl fil-Premier League ma’ klabb wieħed, iżda ma kienx preċiż quddiem il-lasta. Għalkemm Liverpool kellhom diversi okkażjonijiet, id-draw jista’ jitqies ġust ma’ Everton li urew il-passjoni u l-enerġija fil-logħba iżda naqsu li jkunu ċiniċi quddiem il-lasta.

Jordan Pickford ċaħħad lil Mohamed Salah man-nofs siegħa logħob meta għalaq tajjeb wara ħarba tal-Eġizzjan. Is-sostitut Roberto Firmino kważi kellu impatt immedjat mas-siegħa logħob meta kkombina ma’ Sadio Mane u Salah f’kontrattakk, iżda Mane naqas li jolqot bir-ras.

Ċans ieħor għal Liverpool fis-67 minuta meta Fabiho dam jaħsibha biex jixxuttja, b’Seamus Coleman jintervjeni b’daħla fil-ħin. Iż-żewġ timijiet pruvaw ifittxu l-gowl tar-rebħa iżda ma rnexxielhomx joħolqu opportunitajiet tad-deheb li setgħu jisfruttaw għal rebħa importanti.

Chelsea tħabtu iżda finalment ħarġu rebbieħa 2-1 fuq Fulham fi Craven Cottage biex reġgħu kabbru t-tamiet li jispiċċaw fir-raba’ post. Chelsea fetħu l-iskor fl-20 minuta bi kross mil-lemin ta’ Cesar Azpilicueta lejn Gonzalo Higuain li b’xutt mill-ewwel fil-baxx għeleb lil Sergio Rico.

Reazzjoni immedjata ta’ Fulham li ġabu d-draw fit-28 minuta. Arrizabalaga dawwar f’korner bi bravura xutt b’saħħtu ta’ Aleksandar Mitrovic. Mill-istess korner, kien Chalum Chambers li tħalla żmarkat għal kross fuq it-tieni lasta biex għeleb lil Arrizabalaga b’konklużjoni mill-ewwel. Iżda Chelsea reġgħu marru fil-vantaġġ tliet minuti wara b’Eden Hazard iqassam mix-xellug għan-nofs lejn Jorginho li b’xutt meqjus imma b’saħħtu ma tax ċans lil Rico.

Id-debutt ta’ Brendan Rodgers bħala manager ta’ Leicester bdiet fuq nota negattiva wara li kienu megħluba lejn it-tmiem f’Vicarage Road kontra Watford 2-1. B’hekk huma komplew isaħħu t-tamiet li jiksbu post fl-Europa League staġun ieħor.

Watford marru fil-vantaġġ wara biss ħames minuti bi free-kick mix-xellug ta’ Gerard Deulofeu indirizzat fil-kaxxa lejn Troy Deeney li xellef il-ballun bir-ras u għeleb lil Kasper Schmeichel mill-viċin.

Leicester ġabu d-draw kwarta mit-tmiem bl-attakkant Jamie Vardy jirċievi passaġġ intelliġenzi min-nofs il-grawnd u b’opportuniżmu tipiku tiegħu qabbeż kemm kemm fuq Ben Foster. Il-gowl tar-rebħa wasal fit-92 minuta meta d-difiża ta’ Leicester kienet skoperta b’Deeney jgħaddi tajjeb lejn Andre Gray li kkontrolla u għeleb lil Schmeichel b’xutt fil-baxx.