Ambjent Lokali

Ħad-Dingli fil-mira ta’ diversi applikazzjonijiet ta’ żvilupp f’żoni agrikoli

Inti u dieħel lejn Ħad-Dingli hemm ċans li tibda ssib quddiem wiċċek bini ta ħames sulari.

Dan hekk kif qed ikun propost żvilupp li fl-aħħar jiem kontrih quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar diġa’ kien hemm madwar 40 oġġezzjoni u li qajjem rabja kbira f’din il-lokalità.

Żvilupp li jistona mal-inħawi, karatterizzati minn bini li mhux daqshekk għoli bi djar antiki b’għoli baxx jew vilel.

Net News tkellem mal-kunsillier ta’ Ħad-Dingli, il-Perit David Vassallo, li kien wieħed minn dawk li oġġezzjonaw.

Vassallo kompla jgħid li dan l-iżvilupp ipoġġi detriment għal din il-lokalità.

Iżda dan mhux l-uniku żvilupp propost hekk kif Ħad-Dingli wkoll jinsab taħt assedju ta’ żviluppi massiċċi.

Fost dawn, hemm ir-riskju li tinqered żona meqjusa bħala tipikament agrikola bejn din il-lokalità u l-irdum hekk kif intefgħet applikazzjoni oħra biex tinbena villa f’nofs l-għelieqi.

Dawn l-applikazzjonijiet ikomplu mal-applikazzjoni li saret fl-2017 għal lukanda ta’ 36 sular taħt l-irdum ta’ Ħad-Dingli. Din iż-żona hija meqjusa protetta bħala Sit ta’ Natura 2000.

Żvilupp ieħor li qed ikun propost huwa fil-limiti tal-Buskett, f’żona magħrufa bħala Ta’ Sabbat u li hi karatterizzata minn vilel. Hawn l-iżviluppaturi jridu li lukanda abbandunata li kienet inbniet fis-snin 70 tinbidel f’dar tal-anzjani b’għoli ta’ ħames sulari.

L-applikazzjoni kienet saret mil-ġdid imma b’mod differenti wara li proposta għal lukanda ta’ 58 kamra kienet ġiet rifjutata.

Numru ta’ żviluppaturi ilhom sa mill-1997 jippruvaw jiżviluppaw din il-lukanda b’applikazzjoni wara l-oħra.

Ritratti: Joseph Galea