L-Armati rispettivi tal-Indja u l-Pakistan qalu li fl-aħħar sigħat kien hemm ‘kalma relattiva’ qalb it-territorji mal-Linja ta’ Kontroll (fruntiera) li tisseparahom. Madankollu, baqgħet għaddejja xorta l-offensiva kontra l-militanti fl-inħawi tar-reġjun ta’ Kashmir li huma kontrollati mill-Indjani. Dan fost rapporti li, ‘siegħa wara siegħa’, qegħdin jinqatlu numri sinifikanti ta’ militanti flimkien ma’ membri tas-sigurta fiz-zona.
Fl-istess ħin — u wara li deher li kien se jiggrava sew il-konflitt ta’ jiem ilu bejn l-Indja u l-Pakistan ( ġirien bil-kapaċita nukleari) – id-deċiżjoni tal-Pakistani biex jeħilsu pilota Indjan li twaqqa’ bl-ajruplan fl-art ta’ Kashmir serviet biex tbiegħed lill-Istati mill-periklu ta’ gwerra ġdida totali. Dan wara li kienu seħħew numru ta’ rejds u azzjonijiet mill-qawwiet tal-ajru rispettivi kontra miri speċifiċi fit-territorji ta’ xulxin.
Madankollu, il-kelliema taż-żewġ naħat għamluha ċara li ‘ħadd ma jaf għandhomx jiżbruffaw l-inċidenti vjolenti ġodda’ mal-Linja ta’ Kontroll.
Fl-aħħar żviluppi, suldati fit-territorju Indjan ta’ Kashmir qatlu numru ta’ militanti wara battalja fit-tul li fiha tilfu ħajjithom diversi membri tal-qawwiet tas-sigurta tal-Indja.
Il-Gvern tal-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi, qed jaddotta strateġija ħarxa ħafna fil-konfront tal-gruppi tas-separatisti li għandhom il-bażijiet f’Kashmir — bl-awtoritajiet, fl-aħħar ġimgħatejn, jarrestaw ‘il fuq minn 300 mexxejja u attivisti mal-moviment tal-militanti Jamaat-e-Islami.
L-Indja takkuża lil dan il-moviment b’li qed jipprova jiddistabbilizza lill-Gvern ta’ Delhi u tgħid li l-militanti tiegħu ‘għandhom il-ħsieb biex iwaqqfu Stat Iżlamiku f’territorju leġittimu tal-Indjani’.
//= $special ?>

