Internazzjonali

Is-Sirja: L-ISIS f’xifer tat-telfa fost l-attakki suwiċida

L-aħħar ġellieda tal-ISIS fis-Sirja qed jidhru f’xifer it-telfa waqt li kompliet ‘l-aħħar battalja’ fil-fortizza tagħhom f’Baghouz li spiċċat assedjata mill-ġellieda tal-Qawwiet Demokratiċi Sirjani (SDF). Intant, ir-reżistenza ta’ dawn il-fanatiċi għadha ‘feroċi’ u meta dawn użaw il-vetturi-bomba misjuqa mis-suwiċida għal kontra l-SDF.

Il-waqgħa ta’ Baghouz – li għandha tinvolvi biss kwistjoni ta’ żmien – tkun titqies bħala żvilupp importanti għall-koalizzjoni internazzjonali li qed tipprova telimina lit-terroristi tal-ISIS. Dan meta l-hekk-imsejjaħ ‘Kalifat’ tal-ISIS darba kien ikopri terz tat-territorju tas-Sirja u l-Iraq meta l-grupp kien għadu fl-aqwa tiegħu fl-2014.

Iżda waqt li l-ISIS f’Baghouz jidhru resqin lejn disfatta notevoli, il-koalizzjoni ta’ kontriha taċċetta li t-terroristi għandhom jibqgħu bħala theddida għas-sigurta f’ċerti bnadi tar-reġjun.

Il-kelliema għall-SDF qalu wkoll li qed jistennew ‘reazzjoni qalila’ mill-ISIS fl-aħħar sigħat u wara li damu s-sigħat javvanzaw fuq Baghouz biex jevitaw l-isplussivi li t-terroristi kienu żergħu f’numru ta’ rotot. Magħruf ukoll li l-ISIS anki qed jużaw il-mini taħt l-art biex imexxu kontra-attakki fuq l-SDF qabel jirtiraw mill-inħawi partikulari.

It-terroristi f’Baghouz huma ‘veterani ta’ dawn is-sitwazzjonijiet’ u, fil-parti kbira, jinkludu ‘fanatiċi li ġejjin minn barra s-Sirja’.