Futbol Sport

Juventus ikabbru l-vantaġġ fil-quċċata għal 16-il punt

(Ritratt: EPA)

Juventus jinsabu viċin ħafna t-tmien kampjonat konsekuttiv wara li għelbu lil Napoli fil-konfront tal-ġimgħa li nbidel wara li Napoli sfaw jilagħbu b’raġel anqas, b’Juventus jiskorjaw mill-azzjoni ta’ wara. Torino, Atalanta u Sampdoria kollha rebħu biex għadhom isegwu t-tama li jiksbu post fl-Ewropa staġun ieħor filwaqt li fin-naħa ta’ isfel, Chievo, Spal u Bologna kienu megħluba filwaqt li Udinese rebħu u Frosinone kisbu punt.

BERGAMO – Atalanta rritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet konsekuttivi fil-kampjonat, b’rebħa ta’ 3-1 fuq Fiorentina f’konfront dirett. Ironikament kienu Fiorentina li fetħu l-iskor wara erba’ minuti b’xutt fil-baxx ta’ LUIS MURIEL wara azzjoni personali. Atalanta wieġbu bil-gowl tad-draw fit-28 minuta b’xutt ta’ JOSIP ILICIC li kien imxellef u qarraq bi Pierluigi Gollini, biex saħansitra marru fil-vantaġġ ħames minuti wara b’ħarba ta’ ALEJANDRO GOMEZ li għamel l-ispazju għalih qabel għeleb lil Gollini b’xutt fil-baxx. It-tim ta’ Gasperini kompla jkabbar il-vantaġġ fid-59 minuta bi kross mil-lemin ta’ Timothy Castagne fid-direzzjoni ta’ ROBIN GOSENS li daħal tajjeb u skorja b’daqqa ta’ ras.

GENOVA – Genoa kabbru d-distakk miż-żona l-ħamra għal 12-il punt wara li spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls kontra Frosinone. Minkejja li jinsabu fil-bżonn tal-punti, Frosinone jistgħu jieħdu dan id-draw bħala pożittiv wara li kellhom lil Francesco Cassata li tkeċċa fl-34 minuta.

NAPLI – Juventus neħħew kull tip ta’ dubju fejn sejjer il-kampjonat hekk kif fil-konfront dirett għelbu lil Napoli 2-1. B’hekk id-distakk tagħhom fuq Napoli kiber għal 16-il punt. Il-mument importanti tal-logħba seħħ fil-25 minuta meta minn passaġġ qasir ta’ Kevin Malcuit, il-ballun spiċċa għand Cristiano Ronaldo li ġie ġġudikat mir-referee Gianluca Rocchi li twaqqa’ mill-gowlkiper Alex Meret, bil-gowlkiper ta’ Napoli jintwera l-karta l-ħamra. Mill-free-kick sussegwenti, MIRALEM PJANIC għeleb lis-sostitut David Ospina.

Napoli kellhom opportunità tajba li jġibu d-draw ftit sekondi wara b’xutt fil-baxx ta’ Piotr Zielinski jegħleb lil Wojciech Szczesny iżda l-konklużjoni ġiet imċaħħda mill-wieqfa. B’superjorità numerika, Juventus prattikament għalqu l-logħba fid-39 minuta bi kross ta’ Federico Bernardeschi mil-lemin isib lil EMRE CAN li għeleb lil Ospina b’daqqa ta’ ras.

Napoli ħarġu determinati fit-tieni taqsima u fis-47 minuta Juventus sfaw ukoll jilagħbu b’raġel anqas għat-tieni karta safra ta’ Miralem Pjanic. Napoli żiedu l-isforzi u fil-61 minuta, naqqsu d-distakk b’gowl ta’ JOSE CALLEJON wara kross fil-baxx ta’ Lorenzo Insigne. Napoli kellhom saħansitra ċ-ċans li jġibu d-draw fl-84 minuta meta ngħataw penalty wara li l-ballun ħabat fil-kaxxa ma’ Alex Sandro. Iżda mill-11-il metru x-xutt ta’ Insigne stampa mal-wieqfa.

FERRARA – Sampdoria komplew isegwu lil ta’ fuqhom b’rebħa barra minn darhom ta’ 2-1 fuq Spal. Kien is-solitu FABIO QUAGLIARELLA li fetaħ l-iskor wara erba’ minuti meta skorja b’ġest akrobatiku tipiku tiegħu wara kross mil-lemin. Huma rduppjaw fil-11-il minuta meta reġa’ kien FABIO QUAGLIARELLA li għeleb lil Emiliano Viviano b’daqqa ta’ ras wara kross mix-xellug. Spal naqqsu d-distakk fl-94 minuta bi free-kick dirett ta’ JASMIN KURTIC iżda ma kienx fadal ħin biżżejjed biex isalvaw ir-riżultat.

TURIN – Torino komplew is-sensiela pożittiva b’rebħa ta’ 3-0 f’darhom fuq Chievo Verona. Din ir-rebħa waslet fl-aħħar parti tal-logħba b’Torino jinfdu lid-difiża ta’ Chievo li offriet oppożizzjoni denja. B’dan ir-riżultat, il-gowlkiper ta’ Torino Salvatore Sirigu kiser ir-rekord li kien waqqaf Luciano Castellini fl-istaġun 1976/77 hekk kif ilu ma jsofri gowl 517-il minuta.

Torino fetħu l-iskor fis-76 minuta meta ANDREA BELOTTI ħabbat il-ballun ma’ Simone Zaza, għamel l-ispazju għalih u b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil Stefano Sorrentino, f’dak li kien l-ewwel gowl għalih fl-2019. It-tim ta’ Mazzarri assigura mir-rebħa fit-92 minuta bis-sostitut TOMAS RINCON jirbaħ ballun f’nofs il-grawnd u għeleb lil Sorrentino b’xutt b’saħħtu. Minuta wara, STEFANO ZAZA skorja t-tielet gowl wara li ħa minn vantaġġ minn żball difensiv.

UDINE – Udinese kisbu rebħa importanti meta għelbu lil Bologna 2-1. Kienu t-tim ta’ Davide Nicola li marru fil-vantaġġ fl-24 minuta meta ġie ġġudikat fawl fuq Ignacio Pussetto fil-kaxxa. Mill-11-il metru RODRIGO DE PAUL fetaħ l-iskor b’xutt fil-baxx għar-rokna leminija tiegħu. Bologna ġabu d-draw fid-39 minuta bi kross mil-lemin fil-baxx isib lil RODRIGO PALACIO li skorja mill-qrib. IGNACIO PUSSETTO skorja l-gowl tar-rebħa fid-79 minuta b’daqqa ta’ ras.

Tags