Internazzjonali

L-Alġerija: Protesti ġodda kontra l-President Bouteflika

 

L-istudenti fl-Alġerija organizzaw mewġa ġdida ta’ protesti bil-għan li jsemmgħu leħinhom kontra l-pjani tal-President Alġerin Abdelaziz Bouteflika biex jikkuntesta għall-ħames mandat ta’ poter.

Il-President Alġerin, li għandu 82 sena, għandu żmien sa nofs il-lejl biex jirreġistra għall-elezzjonijiet li jridu jsiru f’April. Dan meta l-pulizija f’Alġeri fl-aħħar sigħat kienu qegħdin jgħassu l-uffiċini tal-Kunsill Kostituzzjonali fejn il-kandidati kienu qed jissottomettu d-dokumenti relatati.

Il-protesti fl-Alġerija, li huma pjuttost rari f’dan il-pajjiż, qamu wara li Bouteflika kkonferma, ix-xahar li għadda, li għandu jikkuntesta mill-ġdid għall-Presidenza.

Il-President Alġerin rari deher fil-pubbliku mindu sofra attakk tal-puplisija fl-2013 u meta hu, fil-preżent, jinsab għaddej bl-eżamijiet mediċi fl-Iżvizzera. Intant, Bouteflika ma kellux għalfejn ikun ‘preżenti’ fl-Alġerija biex jirreġistra l-kandidatura tiegħu.