Internazzjonali

L-Estonja: Elezzjoni missielta u eżami iebsa għall-Prim Ministru Ratas

 

Il-poplu f’dan il-pajjiż Baltiku qed jivvota f’elezzjoni ġenerali, fejn il-Partit taċ-Ċentru mmexxi mill-Prim Ministru Juri Ratas qed jilqa’ l-isfida tal-Partit għal Riforma liberali, fost żieda fis-sentimenti ‘populisti’ qalb setturi tal-elettorat.

Juri Ratas, fl-aħħar xhur, kien qed imexxi koalizzjoni ta’ erba’ partiti f’Tallinn u issa hemm indikazzjonijiet  ta’ riżultat qrib ħafna, wara lil-Partit tar-Riforma deher inaqqas mid-distakk preċedenti mal-partit fil-Gvern. Ir-riżultati  mistennija joħorġu tard bil-lejl.

Fl-istess ħin, il-Partit tal-Poplu Konservattiv tal-Estonja (EKRE) li hu moviment ewroxettiku jidher li għandu jispiċċa t-tielet f’din l-elezzjoni. Dan meta l-EKRE sejjaħ għal referendum dwar l-isħubija tal-Estonja fl-Unjoni Ewropea.

L-Estonja tuża s-sistema tar-rappreżentanza proporzjonali biex tagħżel il-membri fil-Parlament ta’ 101 deputat. Juri Ratas kien ħa l-poter f’Novembru tal-2016 – bħala l-kap tal-koalizzjoni taċ-ċentru-xellug – wara l-kroll tal-Partit għar-Riforma tal-eks Prim Ministru Taavi Roivas.