Futbol Sport

Malta tagħlaq l-impenji fit-Tazza Aphrodite bi draw kontra l-Litwanja

It-tim nazzjonali Malti tan-nisa temm l-impenji tiegħu fl-Aphrodite Cup bi draw ta’ 2-2 kontra l-Litwanja. Dan ir-riżultat fisser li t-tim immexxi minn Mark Gatt baqa’ mhux megħlub fit-tournament wara draw ta’ 0-0 kontra l-Estonja u rebħa ta’ 1-0 kontra Ċipru. Gatt kien mingħajr Maria Farrugia li rritornat għall-impenji ma’ Sunderland AFC Ladies.

Il-plejers Maltin issieltu tul il-logħba hekk kif irkupraw darbtejn minn gowl minn taħt. Dorianne Theuma marret viċin li tiftaħ l-iskor b’xutt li ħabat mal-lasta, iżda l-istess plejer ta’ Hibernians ġabet id-draw wara l-gowl inizjali tal-Litwanja. Theuma kienet providenzjali 17-il minuta meta reġgħet ġabet id-draw wara free-kick mogħti minnha kien imxellef.

F’kummenti lis-sit uffiċjali tal-MFA, Mark Gatt qal li l-objettivi għal dan it-tournament intlaħqu għaliex hu kien qed ifittex li jilagħbu futbol kompetittiv biex tiżdied il-perfezzjoni fil-logħba, jingħata spazju għall-plejers żgħażagħ filwaqt li l-grupp kollu jqatta’ aktar ħin flimkien.