Sport Sport Ieħor

Roger Federer ikompli jnaqqax ismu fl-istorja tat-tennis… jirbaħ il-100 titlu ATP f’Dubai

(Ritratt: EPA)

Roger Federer kompla jnaqqax ismu fl-istorja tat-tennis dinji hekk kif rebaħ l-Open ta’ Dubai li fisser il-100 titlu ATP fil-karriera brillanti tiegħu. Fil-finali hu għeleb lil Stefanos Tstisipas, l-istess tennist li eliminah b’sorpriża fir-raba’ rawnd tal-Open tal-Awstralja f’Jannar li għadda.

F’din il-finali hu rebaħ 6-4, 6-4 biex b’hekk sar biss it-tieni tennist li rebaħ tal-anqas 100 titlu b’mod individwali. Hu għeleb li t-tennist Grieg ta’ 20 sena f’siegħa u disa’ minuti biex rebaħ dan it-tournament għat-tmien darba. Hu assigura ruħu li jitla fir-raba’ post fir-rankings mondjali, filwaqt li Tsitsipas se jitla’ mal-ewwel għaxra għall-ewwel darba.

Jimmy Connors hu l-unika tennist li rebaħ aktar l-era moderna b’total ta’ 109 titli. Federer kienu ilu jistenna din il-kisba minn meta rebaħ f’Basel f’Ottubru li għadda.

Dan is-suċċess għat-tennist ta’ 37 sena tkompli żżid mal-kullana ta’ suċċessi. Federer hu l-aktar tennist li rebaħ Grand Slams b’total ta’ 20 suċċess. Hu rebaħ ukoll titli tal-Masters 1000 27 darba, 22 titlu tal-ATP 500, 25 titlu tal-ATP 250 u rekord ta’ sitt darbiet l-ATP Finals.