Futbol Sport

Bidu pożittiv għaż-żgħażagħ Maltin b’rebħa fuq l-Albanija

(Ritratt: Joe Borg)

Bidu pożittiv għat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt i16-il sena fil-UEFA Youth Development Tournament b’rebħa ta’ 2-0 fuq l-Albanija fl-ewwel impenn ilbieraħ. L-eroj għat-tim Malti kien Andrea Zammit li skorja doppjetta. L-Albanija kellhom l-inizjattiva fl-ewwel taqsima iżda ż-żgħażagħ Maltin taħt it-tmexxija ta’ Noel Turner ħolqu opportunitajiet ta’ skor b’diversi kontrattakki.

Wara 14-il minuta, il-gowlkiper Miguel Spiteri spikka meta salva tajjeb xutt perikoluż ta’ Klajdi Lusha minn barra l-kaxxa. Azzjoni tajba tat-tim Malti b’azzjoni personali ta’ Azriel Borg li għadda min-nofs iżda x-xutt tiegħu kien salvat mill-gowlkiper tal-Albanija Qenan Bokova.

Żewġ minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, xutt ta’ Andrea Zammit għadda fuq il-lasta. Malta marret fil-vantaġġ fil-51 minuta meta Nathan Agius avvanza qabel qassam lejn Andrea Zammit li evita difensur u skorja b’xutt preċiż.

Dan il-gowl għolla l-moral tat-tim Malti filwaqt li l-Albanija pruvaw jitfgħu aktar pressjoni biex iġibu d-draw. Huma marru qrib fit-62 minuta b’xutt djagonali tal-captain Mario Mitaj li kien salvat minn Spiteri bl-għajnuna tal-lasta. It-tim Malti għalaq il-logħba 12-il minuta mit-tmiem meta daqqa ta’ ras ta’ difensur tal-Albanija waslet għand Zammit li qabbeż il-ballun fuq il-ħarġa ta’ Bokova.

L-impenn li jmiss tat-tim Malti hu għada fl-iStadium taċ-Ċentinarju fit-3.00pm kontra d-Danimarka, li għelbet lill-iSkozja 4-0.

Malta: M. Spiteri (D. Grima 78’), I. Cutajar, J. Vella, N. Agius, A. Spiteri (B. Ihuomah 41’), A. Zammit (G. Farrugia 78’), K. Briffa (Z. Chetcuti 78’), N. Sultana (M. Gambin 65’), S. Cassar Torregiani (Z. Leonardi 41’), A. Borg (J. Grech 65’), N. Micallef (O. Sammut 65’)

Albanija: Q. Bokova, E. Mataj, M. Preka, E. Zalli, A. Ndoj, A. Filipi, E. Sula, J. Lusha, D. Fejzulla, M. Mitaj, M. Cereni

Referee: Massimo Axisa