Basketball Sport

Gżira Athleta jersqu aktar lejn post fil-play-offs

Hibernians saħħew l-ewwel post meta għelbu lil Depiro filwaqt li Gżira Athleta għelbu l-isfida ta’ BUPA Luxol bie komplew jersqu lejn post fil-play-offs. Starlites GIG irritornaw għar-rebħ kontra Floriana MCP Car Park.

GŻIRA ATHLETA……….. 84   BUPA LUXOL……………… 72

(15-22, 23-13, 28-20, 18-17)

Gżira Athleta rebħu d-dwell kontra Luxol biex resqu aktar viċin lejn post fil-play-offs. Luxol b’hekk iridu jistennew il-konfront kontra Floriana li wisq probabbli jiddeċiedi r-raba’ post. Għal Athleta kellu logħba tajba Matthew Gouder li spiċċa l-aqwa skorer tal-logħba b’24 punt filwaqt li William Alhberg u Vukassin Jandric kienu l-aħjar għal Luxol.

Wara li Luxol kisbu l-ewwel ħames punti tal-logħba, Athleta wieġbu b’seba’ punti konsekuttivi, sakemm reazzjoni minn Luxol wasslet biex temmew l-ewwel perjodu 22-15 minn fuq. Fit-tieni sessjoni, Gżira Athleta kienu aħjar u wara li għamlu l-iskor 27-27, fl-aħħar minuti fetħu vantaġġ minimu ta’ 38-35.

Huma komplew ikunu l-aħjar tim wara l-mistrieħ u komplew ikabbru l-vantaġġ għal tmien punti, b’Luxol resqu biss erba’ punti bogħod. Dan sakemm Athleta kisbu 11-il punt konsekuttiv u marru 58-43 fil-vantaġġ, liema vantaġġ niżel għal 11-il punt qabel l-aħħar għaxar minuti.

Luxol reġgħu daħlu fil-logħba fl-aħħar sessjoni meta naqqsu d-distakk għal sitt punti, iżda Athleta kienu b’saħħithom aktar fil-ġurnata u temmew it-tamiet ta’ Luxol li jieħdu xi ħaġa minn din il-logħba.

DEPIRO………………….. 76   HIBERNIANS………………. 85

(16-20, 22-18, 17-23, 21-24)

Hibernians għelbu lil Depiro biex komplew jagħmlu l-missjoni ta’ Depiro lejn il-play-offs aktar diffiċli. Depiro kellhom wirja sodisfaċenti iżda kellhom ibaxxu rashom għat-tul tal-leaders Hibernians. Il-logħba kienet waħda missielta b’Hibernians jieħdu vantaġġ żgħir li żammewh sat-tmiem. Trent Steen ta’ Depiro spiċċa l-aqwa skorer b’24 punt filwaqt li Chad Patus ta’ Hibernians skorja punt anqas.

Wara bidu bilanċjat, Depiro fetħu vantaġġ żgħir ta’ 14-11, iżda r-risposta ta’ Hibernians wasslet biex temmew l-ewwel perjodu 20-16 fil-vantaġġ. Hibernians komplew juru l-aħjar logħob fil-bidu tat-tieni sessjoni u kabbru l-vantaġġ meritatament għal 28-16, iżda rimonta ta’ Depiro ppremjathom u daħlu jistrieħu fi draw ta’ 38-38.

Wara l-mistrieħ, il-vantaġġ kompla jinbidel, b’Depiro 50-46 fil-vantaġġ sa nofs is-sessjoni. Seba’ punti mingħajr risposta għenu lil Hibernians imorru fuq quddiem u bdew l-aħħar perjodu 61-55 minn fuq. Huma rnexxielhom ikabbru d-distakk għal għaxar punti u saħansitra għal 77-62 biex ikkontrollaw sat-tmiem.

FLORIANA MCP CAR PARK…… 72   STARLITES GIG……. 96

(26-14, 29-31, 10-32, 17-19)

Starlites irritornaw għar-rebħ meta wara bidu diffiċli, ġabu fix-xejn lil Floriana li sabuha diffiċli kontra l-pressjoni u l-aggressività ta’ Starlites li bdew jilagħbu aħjar. Wara bidu bilanċjat, Floriana bdew iqassmu l-ballun aħjar u kienu aktar preċiżi fil-konklużjonijiet tagħhom biex temmew l-ewwel perjodu 26-14 minn fuq.

Wara l-ewwel minuti tat-tieni sessjoni, Starlites bidlu d-difiża u bdew jippressaw minn tliet kwarti tal-court biex mal-ħin Floriana bdew jitfixklu, b’Starlites jaħtfu l-mument u dawru l-ballun aħjar. Starlites marru 43-42 fuq quddiem żewġ minuti qabel il-mistrieħ, iżda Floriana rnexxielhom iġibu d-draw għal 45-45.

B’Floriana mhux kapaċi jgħollu l-livell ta’ logħob tagħhom, Starlites komplew jiddominaw u sa nofs it-tielet perjodu kellhom vantaġġ tajjeb ta’ 65-47. Floriana bidlu d-difiża għal individwali u tal-anqas irnexxielhom iżommu l-furja ta’ Starlites li xorta bdew l-aħħar perjodu 77-55 minn fuq. B’Floriana mhux kapaċi jpoġġu l-pressjoni fuq l-avversarji, Starlites ma kellhomx diffikultà jikkontrollaw il-vantaġġ sat-tmiem.