Lewis Hamilton faħħar il-ħidma ta’ Ferrari matul ix-xitwa u jemmen li Mercedes għandhom muntanja x’jitilgħu fit-taqtigħa għar-rebħ tal-unuri din is-sena. Ferrari li kienu sfidanti ta’ Mercedes fl-aħħar żewġ staġuni, kellhom testijiet pożittivi f’Barcelona. Hamilton qal anki li t-tim Taljan hu nofs sekonda vantaġġ fuqhom, minkejja li fl-aħħar ġurnata ta’ testijiet kellu ħinijiet ta’ Vettel.
Iċ-champion tad-dinja jinsab ċert li Ferrari għamlu pass kbir bil-karozza SF90, filwaqt li nsista li l-karozza Mercedes ma kinitx qed taħdem bl-aħjar mod. “Is-sena l-oħra waslu hawn b’karozza li kienet qed taħdem tajjeb iżda marru aħjar din is-sena. Aħna ma niddejqux bi sfida, sempliċiment tfisser li rridu naħdmu aktar iebes. Għandna muntanja x’nitilgħu imma nafu x’għandna nagħmlu,” qal Hamilton.
Waqt it-testijiet fiċ-ċirkwit ta’ Katalunja, kemm Sebastian Vettel kif ukoll Charles Leclerc qalu li l-karozza kienet bilanċjata, faċli biex issuqha u aktar minn hekk veloċi mill-bidu.
Mercedes fuq in-naħa l-oħra, għamlu aktar mili minn kull tim matul il-ġimagħtejn iżda ma żvelawx it-titjib li għamlu sat-tieni test. Minkejja li s-Silver Arrows urew il-veloċità fl-aħħar ġurnata, Hamilton saħaq li Ferrari jista’ jkun li ħadu vantaġġ aktar minn Mercedes fir-regolamenti l-ġodda tal-aerodynamics.
F’konferenza stampa pjuttost dettaljata, Hamilton żamm il-ħsieb tiegħu li Ferrari jinsabu pass qabel Mercedes meta wieħed jikkunsidra ż-żidiet li saru minn kull tim fl-2019.
//= $special ?>