Festi Kultura

Il-Festival tan-Nar tal-Art se jsir fl-4 ta’ Mejju

Ritratt: Wayne Bonello

Il-Kunsill Lokali Floriana għandu pjaċir iħabbar li ser jorganiżża b’kollaborazzjoni mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu u l-Ministeru għat-Turiżmu, it-tlettax-il edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat fuq il-Fosos tal-Floriana, nhar is-Sibt 4 ta’ Mejju.

Il-Festival ta’ din is-sena ser jerġa jkun wieħed kompetittiv u b’parteċipazzjoni ta’ tmien (8) Kumplessi / Għaqdiet tan-Nar li ser ikunu qed jikkompetu għat-titlu billi jesebixxu żewġ biċċiet tan-nar mekkanizzati. Dan il-festival, issa magħruf sew għall-irdieden kbar li jiġu esebiti, ser isir bħal dejjem fl-akbar pjazza f’Malta – Pjazza San Publiju, fuq il-Fosos tal-Floriana lejliet il-festa titulari tal-Floriana ad unur ta’ San Publju. Il-Festival tal-Logħob tan-Nar tal-Art ser jibda fl-10.30 p.m. B’kollox ser ikun hemm sittax (16)-iI bicca ta’ struttura tikkompeti.

Ir-rebbieħ tal-Festival ser jiġi magħzul fuq l-aħjar merti fi tlett kategoriji:
i. għall-aħjar mekkaniżmu,
ii. għall-aħjar prodotti wżati,
iii. għall-aktar esebizzjoni oriġinali f’dawk li huma disinn u movimenti.

Kull kategorija jkollha rebbieħ li jingħata trofew filwaqt li r-rebbieħ fost il-kategoriji kollha jiġi ddikjarat bħala r-rebbieħ tal-festival u jingħata trofew u “shield” li tinżamm għal sena.

Il-ġurija ser tkun magħmula minn tlett pirotekniċi internazzjonali. Chairman Malti ikun bħal kull sena, persuna intiża fil-piroteknika Maltija. Il-ġurija ser tevalwa x-xogħlijiet tan-nar waqt l-armar, waqt il-ħruq u anke permezz ta’ filmati, biex finalment tkun f’pożizzjoni li tħabbar ir-rebbieħa nhar it-Tnejn 6 ta’ Mejju filgħaxija.

Is-Sindku tal-Floriana Davina Sammut Hili stqarret li inħasset il-ħtieġa li jiġi rivedut il-festival, sabiex jiġu attirati folol akbar. Inizjattiva ġdida hija li l-kamra/għaqda rebbieħa tal-edizzjoni preċedenti tiġi ikkummisjonata li tagħlaq il-festival b’tapit li jaqsam il-wisa’ kollha tal-Fosos. Il-Kunsill ra kif japprofitta mill-kobor tal-Fosos, biex joffri spettaklu ieħor ta’ piroteknika Maltija.

Il-Ministru Konrad Mizzi faħħar dan il-festival u saħaq li jemmen li dan l-avveniment jista’ jikber u l-kwalita’ titjieb, u għaldaqstant flimkien mal-Awtorita` Maltija għat-Turiżmu nħasset il-ħtieġa li għandu jissaħħaħ dan il-festival u jitpoġġa fil-kalendarju turistiku annwali li din is-sena huwa mimli b’avvenimenti għal etajiet differenti. Żied jgħid li n-nar tal-art huwa attrazzjoni sabiħa ħafna li jiġbed interess mhux biss mill-pubbliku lokali, iżda wkoll minn turisti li japprezzaw dan it-talent lokali li bħala pajjiż aħna neċċellaw fih.

Is-sena l-oħra, l-edizzjoni ta’ dan il-Festival Nazzjonali ntrebħet mill-Kumpless tan-Nar 15 ta’ Awwissu tal-Mosta. Bi pjaċir il-Kunsill iħabbar li l-dan il-kumpless tan-nar aċċetta l-istedina li jagħlaq il-Festival b’tapit maħdum minnhom.

Il-Logħob tan-Nar ta’ l-Art Mekkanizzat huwa purament identita’ unika Maltija fil-qasam tal-piroteknika. Dan jistqarruh il-pirotekniċi barranin li jżuruna ta’ kull sena f’dan il-festival internazzjonali. Huwa fatt uniku fid-dinja, li kull ġimgħa fl-istaġun tas-sajf Malti, wieħed jista’ jgawdi minn spettaklu ta’ strutturi kbar ta’ logħob tan-nar mekkanizzat fil-pjazzez tal-bliet u irħula ta’ Malta w Għawdex .

Il-parteċipanti tal-Festival huma dawn (l-ordni hija waħda alfabetika skond il-lokalita’):

Għaqda tan-Nar Soċjeta Mużikali San Gabriel – Balzan

Kummissjoni tan-Nar San Pietru fil-Ktajjen – Birżebbuġa

Kumpless tan-Nar Madonna taċ-Ċintura – Gudja

Kumpless tan-Nar 15 t’ Awwissu – Mosta

Kumpless tan-Nar Madonna tal-Ġilju – Mqabba

Kumpless tan-Nar San Filep – Żebbuġ

Kumpless tan-Nar Madonna tal-Karmnu – Żurrieq

Kumpless tan- Nar Santa Katarina – Żurrieq

F’kaz li ma jkunx possibli li dan il-Festival isir fil-ġurnata skedata minħabba maltemp, ġie deċiz li dan isir l-għada l-Ħadd 5 ta’ Mejju fl-istess ħin (wara li tidħol il-purċissjoni ta’ San Publju).