Lokali

Il-Ministru Edward Scicluna jaqbad biss partijiet li jaqbillu mir-rapporti ta’ kundanna lejn Malta

Il-Gvern jibqa’ jinjora t-twissijiet tar-rapporti maħruġa mill-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Country Report tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll rapport tal-Financial Sector Assessment Program, l-FSAP.

Dan joħroġ minn kliem il-Ministru Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri li sejħu konferenza tal-aħbarijiet fejn jammettu l-Gvern qed jaffaċċja diversi sfidi.

Imma minkejja li r-rapporti jesprimu t-tħassib dwar il-bejgħ tal-passaporti, l-iskandli ta’ ħasil ta’ flus, in-nuqqas ta’ indipendenza fl-MFSA, u l-isplużjoni fil-prezz tal-proprjetà, il-Ministru Edward Scicluna jiddeskrivi r-rapporti bħala pożittivi wara li qabad biss il-partijiet li qablu lilu.

“Dawn huma kummenti li jagħmlu unur lil pajjiżna,” iddikjara l-Ministru Scicluna, li kompla li “l-istampa, meta tarah overall, hi pożittiva, ta’ Gvern li miexi imma  baqgħalu x’jagħmel. Dan il-Gvern qed jirrkonoxxi li fadallu sfidi fuq l-ekonomija, fuq is-servizzi finanzjarji u fuq il-governanza.”

Fl-istess waqt jirrikonoxxi li r-rapporti mhux giddieba u l-isfidi msemmija huma veritiera. “Fil-budget, mhux dan għal din is-sena anzi ta’ qabel, il-Gvern ammetta li għandu sfidi f’dak li hu capacity constraints, fuq infrastructure gaps, financial sector innovation, rising housing cost and shortages of labour and skills,” iddikjara l-Ministru, li kompla li “hawn qegħdin in sync ma’ dak li qed tgħid l-IMF permezz tar-rapport tagħha.”

Iżda fl-istess waqt jipprova jtaffi dawn it-twissijiet billi jiddeskrivihom bħala naqriet meta jgħid li “fir-rapport wieħed isib ‘tit bits ‘l hemm u ‘tit bits ‘l hawn, huma gaps jew inkella shortcomings.”

Il-Gvern Laburista ilu sa mill-2013 ikun imwissi biex jaffronta u jegħleb il-ħasil tal-flus kif jammetti Silvio Schembri stess, li jfakkar kif “fl-2013 l-IMF qalet lill-Gvern ta’ dak iż-żmien bi 17-il miżura li għandu jieħu biex jindirizza l-kwistjoni tal-ħasil tal-flus.”

Dawn l-isfidi li qed iħallu ħsara fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, kif ammetta wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC li qal li l-bank sofra minn din il-problema.

Lill-Ministru staqsejnieh jekk Andrew Beane kienx qed jigdeb, bil-Ministru jgħid li “għall-kuntrarju, li qed jgħid hu naħseb qed jgħiduha l-familji kollha li qed jirrealizzaw l-ħsara kbira li saret, jafu minn fejn saret.”

Kien hawn li staqsejnieh jekk hux qed jirreferi għall-Bank Pilatus, bil-Ministru jaħrab milli jitkellem dwar din il-kwistjoni waqt li wieħed mill-assistenti tal-komunikazzjoni tiegħu ħeġġeġ lil kollega tagħna biex jibda jsaqsi hu ħalli jwaqqaf lilna.

Il-Ministru Edward Scicluna għandu jerfa’ r-responsabbilità għall-mod kif il-Gvern qed ikisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista ddikjara li dak li qal il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna illum huwa insult.

Fl-istqarrija, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar l-Ekonomija, s-Servizzi Finanzjarji u l-Innovazjoni Kristy Debono jingħad li l-Ministru Scicluna pprova jitfa’ it-tort għas-sensiela taċ-certifikati ħżiena li qed jaqla’ il-Gvern tiegħu fuq spallejn il-Membri Parlamentari Ewropej. Dan meta huwa ċar għal kulħadd li l-ħtija hija biss tal-Ministru Scicluna, il-Prim Ministru Joseph Muscat u sħabu tal-Kabinett. Edward Scicluna u sħabu kissru r-reputazzjoni eċċellenti li kien igawdi pajjiżna fis-settur tas-servizzi finanzjarji.

Dak li qal il-Ministru Edward Scicluna illum huwa insult lejn l-uffiċjali tal-IMF li ġew hawn u raw b’għajnehom il-mod ħażin li bih miexi l-Gvern Laburista. Huwa insult lejn għaqdiet lokali nkluż il-Kamra tal-Kummerċ li wissiet lill-Gvern kemm-il darba. Huwa insult lejn is-CEO tal-bank globali HSBC li riċentament qal li l-bank sofra minħabba d-daqqa li ħadet ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Il-Ministru Edward Scicluna għandu jerfa’ r-responsabbilità għal dawn ir-rapporti ħżiena. Huwa għażel li jiddefendi lil min verament għamel ħsara lil pajjiżna, billi fetaħ kontijiet sigrieti, flok iddefenda l-interess nazzjonali.