Futbol Sport

Illum l-ewwel anniversarju mill-mewt ta’ Davide Astori

Illum jaħbat l-ewwel anniversarju mill-mewt tal-eks captain ta’ Fiorentina u l-plejer tat-tim nazzjonali Taljan Davide Astori. Id-difensur ta’ 31 sena kien miet waqt l-irqad fil-lukanda fejn hu flimkien ma’ sħabu kienu jinsabu bi preparazzjoni għall-impenn li kellhom Fiorentina barra minn darhom kontra Udinese.

Dakinhar malli ħarġet l-aħbar, il-logħbiet kollha tas-Serie A kienu tħassru. B’ġest sabiħ, il-logħbiet ta’ tmiem il-ġimgħa mill-kampjonat kollha twaqqfu fit-13-il minuta b’ġest lejn Astori, in-numru li kien jilgħab bih. Il-kawża tal-mewt tiegħu kienet naturali hekk kif il-qalb bdiet tħabbat anqas sakemm waqfet għal kollox.

Astori twieled f’Bergamo fis-7 ta’ Jannar tal-1987. Hu kien iffirma l-ewwel kuntratt professjonali fl-2002 ma’ Milan u wara ħames snin fl-akkademja ta’ Milan, lagħab b’self ma’ Pizzighettone u Cremonese fis-Serie C1.

Fil-bidu tal-istaġun 2008/2009, Astori ngħaqad ma’ Cagliari u f’Lulju tal-2014 ngħaqad b’self ma’ Roma. Staġun wara, hu ngħaqad ma’ Fiorentina u baqa’ magħhom sa mewtu. Fiorentina rriservaw il-flokk numru 13 flilwaqt li kienu ġeddew il-kuntratt biex jgħinu lill-familja tiegħu. Astori lagħab 14-il logħba mat-tim nazzjonali Taljan.

Tags