Lokali

Imut f’Londra ‘L-Anġlu Malti ta’ Chernobyl’

Fl-aħħar jiem tħabbret il-mewt tal-imprenditur Malti Victor Mizzi, li 32 sena ilu kellu sehem importanti hekk kif għen mas-56,000 tifel u tifla li kienu sfaw vittmi tal-inċident ta’ Chernobyl.

Id-diżastru ta’ Chernobyl kien seħħ fis-26 t’April tal-1986 bl-isplużjoni tal-impjant nukleari fl-Ukraina twassal għall-mewt ta’ 31 persuna u madwar 15 oħra li kienu mietu fis-snin ta’ wara b’mod indirett. Minbarra dan, hemm ukoll ammont ta’ persuni oħra li twieldu b’deformazzjonijiet jew sofrew mard minħabba r-radjazzjoni waqt li 20,000 persuna kienu ġew evakwati minn djarhom.

Fost dawn Igor Pavlovets, li twieled b’id waħda u b’deformazzjoni f’saqajh li wasslet biex dawn ma jiżviluppawx kif suppost. Meta Igor kellu sitt snin, iżda b’ġisem id-daqs ta’ wieħed ta’ tliet snin, hu kien jgħix f’dormitorju ma’ tfal ferm iżgħar minnu. Il-Malti kien iltaqa’ ma’ dan it-tifel u l-istorja tiegħu impressjonati u xprunatu biex ikompli jgħin lil dawn it-tfal.

Kien hawn li beda l-kampanja Chernobyl Children Life Line bil-kollaborazzjoni tal-ġurnal Ingliż Daily Express. Kampanja li wasslet għat-tixrid tal-informazzjoni dwar il-vittmi tat-traġedja ta’ Chernobyl u fuq kollox għal ġbir ta’ donazzjonijiet tant utli biex dawn iż-żgħażagħ u rġiel bi problemi ta’ saħħa setgħu jingħataw tama mill-ġdid.

Fost dawk li għen kien hemm lill-istess Igor, li dejjem kellu x-xewqa li jkollu t-tieni id u li Victor għamel minn kollox biex jakkwistalu waħda prostetika. Mhux biss għamel minn kollox biex mill-Ukrajna jwasslu sar-Renju Unit, iżda saħansitra sablu lil Barbara u Roy Bennett, minn Farncombe, Surrey, biex isiru l-familja ġdida tiegħu.

Impressjonat bit-tbatija ta’ dawn it-tfal, Mizzi li kien irtira kmieni fl-età ta’ 48 sena, baqa’ jaħdem bla heda biex jorganizza vjaġġi ta’ mistrieħ lejn ir-Renju Unit għal madwar 56,000 tifel u tifla affettwati mir-radjazzjoni tal-inċident ta’ Chernobyl. Dan anke grazzi għall-esperjenza tiegħu fit-tmexxija ta’ kumpanija tal-ivvjaġġar. Għen ukoll biex ħafna minn dawn it-tfal jistudjaw fl-Ingilterra.

Wara 14-il sena ta’ ħidma, Victor skopra wkoll li l-ġenituri ta’ Igor ma kinux abbandunawh imma kien itteħdilhom malli t-tobba ndunaw li kellu diżabbiltà. Sentejn wara, meta kellu 16-il sena, Igor filfatt iltaqa’ mal-ġenituri tiegħu u skopra wkoll li kellu żewġ aħwa oħra li twieldu warajh.

Minkejja dan xejn ma kienet faċli, b’Mizzi li kien jaħdem mat-18-il siegħa kuljum biex jieħu ħsieb id-dokumentazzjoni kollha meħtieġa waqt li jiġġieled il-burokrazija biex jiżgura li Igor jibqa’ fir-Renju Unit u ma jiġix deportat. Finalment, f’Diċembru tal-2003, Igor Andrevich Palovets akkwista ċ-ċittadinanza Ingliża u passaport ukoll.

Il-ħidma u d-dedikazzjoni ta’ Mizzi wasslet biex illum-il ġurnata Igor iżżewweġ lil Alice u jgħix f’Surrey fejn irabbi żewġt itfal u l-koppja qed tistenna t-tielet wild. Dan apparti li jmexxi intrapriża tiegħu.

Victor Mizzi miet fis-17 ta’ Frar, fl-età ta’ 84 sena, wara battalja ma’ kanċer fil-fwied. Hu kien jgħix fir-Renju Unit, preċiżament f’Headley Down, Hampshire. Matul is-snin, grazzi għall-organizzazzjoni li waqqaf, lejn il-Belarus għaddew tunnellati ta’ mediċina, ikel, ġugarelli u ħwejjeġ lejn il-Belarus, il-pajjiż li l-iktar irċieva r-radjazzjoni ta’ Chernobyl. Dan apparti li fil-pajjiż saru diversi proġetti biex ikunu mgħejuna l-foqra fil-pajjiż.

Għall-ħidma volontarja tiegħu, fl-2006 Victor iddaħħal bħala membru tal-Most Excellent Order of the British Empire waqt li għaxar snin wara ngħata t-titlu ta’ Officer of the Order of the British Empire għas-servizzi tiegħu għall-karità. Kien ukoll it-tielet persuna u l-uniku barrani, li ngħata l-ogħla unur fil-Belarus, meta ddaħħal bħala parti mill-Order of Francsysk Skaryna.

Dwar il-ħidma tiegħu, saħansitra nkiteb ktieb mill-ġurnalista Jane Warren, li bħala parti mill-karriera tagħha mad-Daily Express għexet il-ħidma karitattiva ta’ Mizzi b’mod speċjali dak li għamel għall-vittmi ta’ Chernobyl.