“Ir-rapport dwar l-Istat tal-Ambjent jikkonferma dak li l-Partit Nazzjonalista u esperti oħrajn ilhom jgħidu dwar is-sostenibbilità tal-ambjent u juri kif il-Gvern m’għandux pjan ambjentali fit-tul, li qed iwassal biex pajjiżna jispiċċa l-agħar fl-Ewropa fl-ambjent.”
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta żar il-park tan-Nature Trust fi Xrobb l-Għaġin f’Marsaxlokk fejn ġew diskussi l-proposti li ressaq il-PN għall-ħarsien ambjentali wara l-konklużjonijiet tar-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent.
Dr Delia qal li dan ir-rapport jikkonferma l-Gvern m’għandux pjan ambjentali, u qed jidher biċ-ċar fir- riżultati negattivi li pajjiżna qed jikseb fil-miri għall-ħarsien u s-sostenibbilità tal-ambjent. Huwa qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern Laburista li jkabbar il-popolazzjoni bla pjan qed iħalli effett negattiv fuq bosta setturi speċjalment fl-ambjent.
Matul din iż-żjara ġew diskussi bosta temi ambjentali fosthom l-ħtiġijiet soċjali u ekonomiċi, l-iżvilupp, l-iskart tal-kostruzzjoni, l-produzzjoni tal-iskart u l-kwalità tal-arja. Adrian Delia qal li n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern fis-settur ambjentali qed iwassal biex qegħdin ngħixu f’pajjiż fgat. Euronews kienu ddeskrivew lil Malta bħala ‘the dirty man of Europe’ u sfortunatament l-aħħar statistika turi kif pajjiżna jinsab l-agħar fl-Ewropa fir-riċikaġġ̇ tal-iskart u r-raba’ l-agħar fl-Ewropa fil-kwalità tal-arja, apparti ż-żieda qawwija fin-numru tal-karozzi fit-toroq, li dejjem jiżdiedu.
Fil-jiem li għaddew, il-Partit Nazzjonalista nieda 16-il proposta konkreta dwar il-ħarsien ambjentali wara l-konklużjonijiet tar-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent li:
– Jinvolvu aktar lill-komunità fil-ħarsien ambjentali
– Settur pubbliku ekoloġiku
– Unjoni Ewropea li tagħti widen għall-ħtiġijiet tal-gżejjer żgħar
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed iħabbar aktar proposti konkreti għall-ambjent li jinkludu oqsma bħall-iżvilupp tal-art, it-trasport, it-tniġġis u l-immaniġġar tal-iskart.
Matul din iż-żjara fil-park tan-Nature Trust, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Briguglio, mill-kandidat għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Marsaskala John Baptist Camilleri u mill-kandidata għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fiż-Żejtun Amanda Abela.
Filwaqt li d-delegazzjoni tan-Nature Trust kienet magħmula mill-President Vince Attard, is-Segretarja Ġenerali Angelique Lofaro u l-Uffiċjal tar-Relazzjonijiet Pubbliċi Zachary Engerer.
//= $special ?>